Is-salib tneħħa minħabba rinovar mhux mil-LSE Musulmana – MUT

L-Unjin tal-Għalliema, l-MUT qalet li s-salib tneħħa minn klassi waqt Skola Sajf minħabba li kien se jsir renovar tal-klassi u mhux għax l-LSE ta’ reliġjon Musulmana neħħietu minħabba t-twemmin tagħha.

Dan qalitu fi stqarrija fejn sostniet li wara li segwiet il-kwistjoni li bdiet propju fuq il-midja soċjali sabet li l-allegazzjonijiet kienu kompletament skorretti u għaldaqstant se tassigura li jittieħdu l-passi neċessarji kontra l-allegazzjonijiet.

Fl-istqarrija, l-MUT spjegat li dan ġie stabbilit mill-awtoritajiet edukattivi. Qalet li hemm bżonn jittieħdu passi fil-konfront tal-ġenitur li rrimarkat li mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni “għamlet allegazzjonijiet pubbliċi li ma kinux veritieri bil-għan li tħammeġ il-ħidma tal-LSE, tkasbar it-twemmin reliġjuż tagħha u ġġib f’dell ikrah l-istess professjoni tal-edukaturi”.

Temmet tgħid li mhix se tittollera aġir irresponsabbli li jagħmel dannu lill-edukaturi.