“Is-salib huwa ż-żrara li ġġarraf l-idoli kollha” – l-Isqof Grech

L-Isqof Mario Grech qal li xejn daqs is-salib ma jista’ jikxef il-wiċċ veru ta’ Alla u għaldaqstant is-salib huwa ż-żrara li ġġarraf l-idoli kollha tagħna. Nhar l-Erbgħa tat-Tniebri, l-Isqof Grech ikkontempla fuq il-Kalvarju bħala ġrajja kontemporanja u għamel ir-riflessjoni tiegħu dwar il-kustat imċarrat.

Huwa kkwota lit-teologu Bonhoeffer meta qal li “s-salib huwa d-distanza infinita li Alla qiegħed bejnu nnifsu u kull xbieha reliġjuża oħra li aħna jista’ jkollna”.

“Bħal-lanza, il-mikrobu jinfed u jagħmel ġerħat fil-bnedmin”

L-Isqof Grech qal li l-mikrobu qed jinfed u jagħmel ġerħat fil-bnedmin, l-istess bħal-lanza fil-kustat ta’ Kristu waqt li kien imsallab fuq is-salib.

Bħall-ġemgħa li fuq il-Kalvarju kienet qed tħares lejn dak li nifdu, aħna wkoll illum għandna quddiem għajnejna diversi xeni ta’ bnedmin “minfuda”. Il-Kalvarju sar ġrajja kontemporanja.

Fl-Omelija tiegħu, l-Amministratur Appostoliku għal Għawdex semma kif f’temp ta’ ftit ġimgħat għejejna naraw xeni tal-ħerba li qed jagħmel il-mikrobu. Semma fost l-oħrajn li rajna swali ta’ sptarijiet mimlija sa ruħ ommhom bil-pazjenti, kif ukoll swali mimlija twiebet lesti għad-difna. Semma wkoll lill-familji feruti għax ħabta u sabta l-għajxien tagħhom mhedded kif ukoll ħaddiema “minfuda” għax intemm il-kuntratt tax-xogħol tagħhom jew il-ġejjieni tal-impjieg tagħhom huwa inċert.

Dan ix-xenarju jaqtgħalna qalbna! Bħal-Lhud li f’waqt minnhom quddiem il-kruha ta’ Kristu fuq is-salib għattew għajnejhom għax ma setgħux jissaportu t-toqol ta’ din ix-xena (ara Iż 53:2), ma nistagħġibx li aħna wkoll niġu ttentati li nagħlqu għajnejna biex ma narawx aktar dawn il-ġerħat miftuħa.

“Il-ħarsa lejn Ġesù bil-kustat miftuħ tagħmlilna kuraġġ”

L-Isqof stqarr li l-ħarsa tagħna lejn Ġesù bil-kustat miftuħ tagħmlilna kuraġġ. Dan għaliex minn dak il-kustat minfud ħarġu l-aħħar qatriet ta’ demm u ilma li kien għad fadal mal-qalb umana ta’ Alla tħabbat għal kulħadd, b’mod partikulari għal min huwa ferut bid-dnub u l-konsegwenzi ta’ għażliet ħżiena.

Sostna li nagħmlu d-dnub mejjet meta nagħmlu lilna nfusna flok Alla u meta naqtgħu qalbi minn Alla filwaqt li ma naċċettawx li Ġesù jħobbna anki jekk inkunu midinba.

Huwa temm b’riflessjoni dwar Marija Omm Alla u appella biex nagħmlu bħal Ġwanni u nieħdu lil Marija għandna. Jispjega li mill-wiċċ tagħha ta’ omm wieħed jasal biex jara l-wiċċ ta’ Alla kollu mogħdrija, tjubija, ħlewwa u ħniena. Dan filwaqt li jistqarr li Marija hija sinjal qawwi ta’ kemm Alla u Kristu huma qrib il-bniedem.

B’din l-istqarrija, l-Isqof Grech jagħmel messaġġ ta’ kuraġġ li permezz tiegħu jgħid li fil-ġenb imċarrat tal-Kurċifiss hemm post għall kull wieħed minna midrubin.