Is-Salesjani: ottimiżmu, ferħ u s-sabiħ tal-ħajja

Dan l-artiklu nkiteb minn Christabel Borg

L-ottimiżmu, il-ferħ u d-dedikazzjoni lejn l-oħrajn kien il-messaġġ imwassal minn tliet Salesjani li jibbażaw ħajjithom fuq ħajjet Don Bosco u li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt

Fr Kenneth Micallef qalilna li s-Salesjani jfittxu li jaraw is-sabiħ tal-ħajja filwaqt li Fr Louis Grech semma li s-Salesjani joffru akumpanjament ħolistiku liż-żgħażagħ. Lil Br Matthew Alfino s-Salesjani għenuh ikun hu bla kompromessi. It-tlieta li huma qablu li s-Salesjani għandhom ħafna x’joffru lit-tfal u liż-żgħażagħ .

Is-Salesjani għandhom ħafna x’joffru

Fr Kenneth, koordinatur tal-youth ministry u promotur tal-vokazzjonijiet, qalilna li waħda mill-aktar affarijiet li laqtitu mill-ħajja Salesjana hi “l-kariżma tal-ottimiżmu, tal-ferħ, u li tara s-sabiħ tal-ħajja”. Hu saħaq li din il-kariżma hija mibnija fuq it-twemmin li “kollox ġej minn Alla u kollox jintemm fih: il-logħob, it-talb, l-iskola, eċċ… aħna dejjem nirrelataw kollox miegħU”. 

Fr Louis, viċi provinċjal tas-Salesjani f’Malta, qal lil Newsbook.com.mt li bla dubju, Don Bosco u l-ħajja personali tiegħu kienu l-aktar affarijiet li laqtuh mill-ħajja Salesjana. Hu żied jgħid li d-dedikazzjoni u l-għotja sħiħa ta’ Don Bosco għall-missjoni tiegħu li joffri akkumpanjament ħolistiku lit-tfal u ż- żgħażagħ li kienu jattendu l-Oratorju, huma żewġ kwalitajiet  li jolqtuh ħafna mil-ħajja Salesjana.

Minn perspettiva oħra, Br Matthew qalilna li l-aktar ħaġa li laqtitu mill-ħajja Salesjana hija l-preżenza u s-servizz li s-Salesjani kienu joffru fiż-żmien li hu kien jattendi l-Oratorju.

“Hemmhekk ħassejt li stajt inkun jien min jien mingħajr kompromessi”. 

Għaliex għażlu l-ħajja Salesjana?

Staqsejnihom x’ġegħilhom jagħżlu din il-vokazzjoni. 

Fr Kenneth qalilna li “l-ferħ u l-familjarità li s-Salesjani kienu juru magħna” kienet waħda mill-aktar affarjiet li laqtuh mill-komunità Salesjana. Kompla jgħid li kien “il-Mulej li laqqgħu mas-Salesjani u permezz tagħhom kompla jiskopri lilu nnifsu”. Aktar ‘il quddiem meta kien involut bħala animatur Salesjan, hu beda jgħaddi l-valuri nsara lit-tfal u liż-żgħażagħ.

Br Matthew qalilna li minn dejjem kellu kurżità jara xi ssarraf din il-ħajja, imma fl-istess ħin bħal donnu dejjem beża’ jieħu l-ewwel pass. L-istil ta’ ħajja u l-eżempju sabiħ tas-Salesjani, kif ukoll l-ispirtu ta’ Don Bosco, kienu l-fatturi li ħajru lil Br Matthew  biex jidħol għall-vokazzjoni ta’ Salesjan. 

Simili ta’ Br Matthew, Fr Louis qalilna li Don Bosco minn dejjem kien jispirah u fis-Salesjani kien jara lil Don Bosco ħaj. “L-eżempju tagħhom ħajjarni.”

 Il-formazzjoni li jagħtu s-Salesjani 

Il-proċess tal-formazzjoni jibda billi, fost affarijiet oħra, ikun hemm akkumpanjament spiritwali fuq il-livell ta’ grupp u aktar tard fuq livell individwali.

Ir-riflessjonijiet ta’ kull xahar jikkonsistu fir-riflessjoni fuq il-Kelma ta’ Alla u Counselling. Wara mixja ta’ akkumpanjament spiritwali, jekk persuna tħoss ħajra li tipprova l-ħajja Salesjana, din tiġi mħeġġa tipprova esperjenza ta’ Come and See. Din il-frażi tfisser li l-persuna tkun mistiedna tagħmel esperjenza ta’ ġimgħa fix-xahar mal-komunità Salesjana. Jekk din l-istess persuna tibqa’ tħoss ġibda lejn dan l-istil ta’ ħajja, eventwalment tkun imħeġġa biex tipprova l-aspirantat, fejn il-persuna tkun mistiedna tgħix esperjenza aktar fit-tul mas-Salesjani.

Sadanittant, il-persuna tkun mistiedna tkompli l-istudju tagħha f’università fejn il-kors ikun tal- għażla tagħha. Dan biex jekk iktar ‘il quddiem din il-persuna tħoss li mhix imsejħa għal dan l-istil ta’ ħajja, ikollha kwalifiki alternattivi. Fil-fatt, illum il-ġurnata hawn diversi Salesjani li huma tobba, periti u għalliema.

Wara din il-fażi jkun imiss il-‘pre-novizzjat’ li tipprepara l-kandidat għas-sena tan-novizzjat. Dan huwa perjodu ta’ sitt xhur li jwassal biex eventwalment il-persuna tmur in-novizzjat, liema esperjenza ssir fl-Italja. In-novizzjat hija sena speċjali fejn il-persuna tiġi ppreparata b’mod aktar intensiv għall-ħajja ta’ Salesjan.

Wara n-novizzjat, il-persuna tkun mistiedna tagħmel wegħda li ħa tgħix bl-aħjar mod il-kastità, l-ubbidjenza u l-faqar biex fl-aħħar mill-aħħar ikollha sitt snin biex tiddeċiedi jekk tħaddanx dan l-istill ta’ ħajja għal dejjem. Dan isir waqt il-professjoni perpetwa. 

“Tul dawn l-ewwel snin bħala Salesjan, il-persuna tkun mistiedna tirrifletti jekk tixtieqx tibqa’ brother jew qassis Salesjan, liema żewġ għażliet għandhom kors differenti ta’ formazzjoni. Min isir qassis huwa obbligat jistudja l-Filosofija u t-Teoloġija, filwaqt li tagħmel sentejn jaħdem fuq bażi full-time mat-tfal u ż-żgħażagħ f’waħda mid-djar tagħna,” spjegalna Fr Louis. 

Fr Kenneth jagħlaq billi jgħaddilna messaġġ żgħir; “Nitolbukom iżżommuna dejjem fit-talb tagħkom sabiex aħna lkoll inkunu sinjal tal-imħabba li Alla għandu lejn l-umanità kollha, b’mod partikolari fil-kariżma tagħna lejn it-tfal u ż-żgħażagħ”. 

Min huma s-Salesjani?

Is-Salesjani huma ordni reliġjuż mwaqqaf fl-aħħar tas-seklu dsatax minn Don Bosco, saċerdot Taljan. Huwa ddedika ħajtu jaħdem għat-tfal u ż-żgħażagħ, jistabbilixxi oratorji u djar, u ħoloq il-familja Salesjana, li llum hija organizzazzjoni dinjija u vibranti li tiġbor fiha bosta entitajiet. Is-Salesjani ilhom preżenti fil-Gżejjer Maltin sa mill-1903.