Is-sala fejn kellu jsir il-Eurovision tintuża għall-kura tal-coronavirus

REUTERS/Ronen Zvulun

Read in English.

Fiċ-ċentru Ahoy ta’ Rotterdam kienu qed isiru l-aħħar preparamenti biex ix-xahar id-dieħel jittella’ l-ispettaklu tal-Eurovision. Iżda minflok kantanti u mużiċisti, dan iċ-ċentru nhar l-Erbgħa kellu jiftaħ il-bibien tiegħu biex jilqa’ tobba u tagħmir mediku għax issa se jintuża bħala ċentru ta’ kura għall-pazjenti bil-coronavirus.

Il-binja, li normalment tintuża għal kunċerti, trade fairs u avvenimenti sportivi internazzjonali, tista’ tilqa’ mas-680 sodda fis-swali tagħha, u diġà ddaħħlu l-ewwel 80 sodda.

“Bnejna dan kollu f’dawn l-aħħar ġimgħatejn, u issa qed norganizzaw lill-infermiera u lit-tobba kollha li se jiġu jaħdmu hawn,” qal Hugo Keuzekamp, id-direttur ġdid taċ-Ċentru tal-Kura Ahoy, meta tkellem ma’ Reuters.

Dan hu mistenni li jibda jilqa’ lill-ewwel pazjenti nhar it-Tnejn, u se jittratta persuni bil-coronavirus jew mard ieħor fejn mhux meħtieġ li l-persuni jiddaħħlu l-isptar.

L-għadd ta’ infezzjonijiet tal-coronavirus fl-Olanda żdied b’rata qawwija minn meta ġie rrappurtat l-ewwel każ fis-27 ta’ Frar, u laħaq it-28,000 nhar l-Erbgħa, b’aktar minn 3,100 mewta rrappurtati.

Imma f’dawn l-aħħar ġranet in-numru ta’ ammissjonijiet fl-isptar naqas għal anqas minn 200 kuljum, li wassal għal tħassib li ċ-ċentru Ahoy mhux se jkollu għalfejn jaċċetta pazjenti wara kollox.

“Ifhem, din tkun tassew aħbar tajba, għax … dak ifisser li s-sistema ta’ kura (attwali) tagħna… qed (tlaħħaq),” qalet Saskia Baas, kelliema għas-servizzi tas-saħħa ta’ Rotterdam-Rijmond. 

L-Ahoy intagħżel biex jilqa’ l-Eurovision wara r-rebħa tal-kantawtur Olandiż Duncan Laurence is-sena l-oħra f’Tel Aviv b’kanzunetta bl-isem ta’ “Arcade”. L-epidemija wasslet biex f’Marzu li għadda l-organizzaturi ħassru l-kompetizzjoni tal-kant għall-2020.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn