Is-sajjieda Sqallin iridu reviżjoni tal-baħar Malti

L-Assemblea Reġjonali ta’ Sqallija trid li tidħol f’dikussjoni mal-Gvern Malti biex jiġi rivedut il-baħar territorjali Malti u s-sajd fil-Mediterran. Is-sajjieda Sqallin qed jheddu li jekk ma jkunx hemm progress se jħassru l-liċenzji u jirtiraw il-bastimenti tas-sajd.

Dan jirriżulta mil-laqgħa li saret bejn l-Assoċjazzjoni tas-Sajjieda Sqallin u d-Deputat tal-Assemblea Reġjonali ta’ Sqallija, Nello Di Pasquale.

Din il-laqgħa intalbet mis-sajjieda Sqallin wara li fl-1 ta’ Awwissu li għadda ġew arrestati f’Malta l-kaptani tal-bastimenti La Madonnina u Principessa Prima, wara li nqabdu jistadu llegalment fil-baħar Malti.

Dwar dan il-każ mistennija li ssir laqgħa bejn il-Gvern Malti u l-Awtoritajiet Sqallin.

Fi Scoglitti, is-sajjieda sostnew li mal-Gvern Malti trid issir diskussjoni biex każi bħal dawn ma jerġgħux iseħħu u jitħallew jistadu bl-istess kundizzjonijiet tas-sajjieda Maltin.

Fi tmiem il-laqgħa, is-sajjieda Sqallin qablu li l-kaptani li ġew arrestati f’Malta għandhom jingħataw kumpens u l-multi li ngħataw mill-Qorti Maltija se jitħallsu kollha mill-Assoċjazzjoni tas-Sajjieda.

Il-Qorti kienet immultat lis-sajjieda €20,000 kull wieħed.