Is-sajjieda Sqallin għadhom irrabjati mal-Qrati ta’ Malta

Is-sajjieda Sqallin għadhom qed jilmentaw dwar il-mod kif ġew trattati ħażin mill-Awtorjitajiet Maltin, meta fl-1 t’Awwissu instabu jistadu f’ibħra territorjali Maltin.

F’kumment li ta lil ġurnal taljan, il-kaptan qal li kien sfurzat biex jammetti li hu ħati ta’ dan. Hu għamel dan sabiex ikun jista’ jmur lura lejn xogħolu, minkejja li fi kliem l-ekwipaġġ huma ma kinux daħlu fit-territorju Malti. Il-ġurnal kompla jgħid li l-multa ta’ €23,000 li kellhom iħallsu hija waħda ferm għolja, ammont li wieħed jaqla’ wara erbgħa snin.

Skont il-liġi Taljana, wieħed jista’ jistad f’medda ta’ 12-il mil mill-art, filwaqt li l-Maltin jistgħu jistadu sa 25 mil barra mill-kosta Maltija. Għalhekk skont it-Taljani, dan iħalli 3 mili t’ibħra internazzjonali.

L-Assemblea Reġjonali ta’ Sqallija riedet li tidħol f’dikussjoni mal-Gvern Malti biex jiġi rivedut il-baħar territorjali Malti u s-sajd fil-Mediterran.

F’intervista f’ġurnal lokali, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u Sajd Roderick Galdes qal li s-sajjieda Sqallin inqabdu jistadu b’mod illegali, u l-Qrati Maltin sabuhom ħatja ta’ dan. Skont id-drittijiet tal-individwu, l-akkużat għandu l-opportunità li jiddefendi lilu nnifsu.

Huwa qal li l-liġi Maltija dwar is-sajd hi waħda stabbilita’ wkoll minn dik tal-Unjoni Ewropea, li tapplika għal kull stat membru. Sostna li l-Qrati Maltin eżerċitaw ġurisdizzjoni li taqbel mal-liġi, u li għalhekk wettqu d-dover tagħhom li jsegwu d-drittijiet sovrani tal-pajjiż.

F'kummenti li kienu taw lil Newsbook, l-AFM ukoll kienu sostnew li mxew mal-liġijiet internazzjonali ta' fuq il-baħar.