Is-sajjieda jistgħu jaqbdu aktar tonn fl-istaġun li jmiss – Camilleri

Għall-istaġun tas-sajd tal-2019, is-sajjieda qed jingħataw l-opportunità jaqbdu ammont akbar ta’ tunnellati ta’ tonn. Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd Clint Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Wied il-Għajn.

Camilleri spjega li se jkun hemm żieda fil-kwoti għat-tonn b’34,000 kilogramma biex b’hekk, il-kwota nazzjonali ssir dik ta’ 353,200 kilogramma. Spjega wkoll li għall-ewwel darba ħarġet liċenzja speċjali għal 52 sajjied b’bastiment inqas minn 12-il metru fejn il-kwota allokata għal din il-kategorija se tkun qiegħda tlaħħaq l-40,500 kilogramma.

Kif se tkun imqassma l-kwota għall-istaġun tal-2019?

  • 63 bastiment awtorizzat se jkunu jistgħu jaqbdu 296,000 kilogramma ta’ tonn bejniethom
  • 52 bastiment taħt 12-il metru se jkunu jistħu jaqbdu 40,500 kilogramma ta’ tonn bejniethom
  • Il-bastimenti l-oħra li ma jidħlux fiż-żewġ kategoriji msemmija se jkunu ntitolati għall-by-catch li b’kollox titla’ għal 9,700 kilogramma
  • 5,000 kilogramma huma kontinġenza
  • 2,000 kilogramma għal sajd rikreattiv

Inċentivi għas-sajjieda tal-pixxispad

Intant, Camilleri qal li s-sajjieda li huma awtorizzati jaqbdu l-pixxispad ġew allokati 9.7 tunnellati ta’ kwota bejniethom bil-proċeduri tal-by-catch. Dgħajjes f’din il-kategorija li huma taħt it-12-il metru huma intitolati għal żewġt irjus bis-sistema tal-by-catch fl-istaġun, filwaqt li dawk aktar minn 12-il metru huma intitolati għal erbat irjus bis-sistem tal-by-catch fl-istaġun.

Kif se jiftaħ l-istaġun tas-sajd?

Għal din is-sena, l-istaġun għal dawk is-sajjieda bil-kwota tradizzjonali, se jiftaħ mill-20 t’April sal-31 ta’ Diċembru 2019. Għal dawk is-sajjieda li qed jikkwalifikaw għall-liċenzja l-ġdida temporanja, l-istaġun se jiftaħ mill-1 ta’ Mejju sad-19 ta’ Ġunju 2019. Għal dawk rikreazzjonali se jiftaħ mis-16 ta’ Ġunju sal-14 ta’ Ottubru.