Filmat: It-tender għall-bini tal-pixxina għadu jrid jiġi ppubblikat

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li t-tender finali, dak tal-bini u finishings tal-pixxina qiegħed għand id-Dipartiment tal-Kuntratti jistenna biex jiġi ppubblikat. Hija qalet dan waqt li żaret l-iskavar li qed isir biswit il-kumpless sportiv ta’ Għawdex fejn se tkun qed tinbena l-pixxina.

Spjegat li dan se jkun investiment ta’ madwar €8 miljun.

Il-proġett issawwar wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ esperti u entitajiet involuti fid-dixxiplini marbuta mal-għawm ewlenin fosthom; l-Aquatic Sports Association of Malta, l-iSpecial Olympics, il-Gozo Sports Board u Otters, fost l-oħrajn.

Is-sajjieda Għawdxin b’90 post iktar fejn jorbtu d-dgħajjes

Is-sajjieda Għawdxin se jkollhom madwar 90 post iktar fejn jorbtu d-dgħajjes tagħhom fil-Port tal-Imġarr hekk kif inbeda x-xogħol fuq proġett ta’ €6 miljun ko-finanzjat mill-UE favur faċilitajiet aħjar għas-sajjieda fil-port tal-Imġarr f’Għawdex.

Il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Ian Borg ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fix-Xatt tal-Imġarr flimkien mal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia, s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd Clint Camilleri.

Il-Ministru Borg spjega kif il-proġett se jinkludi:

  • Il-bini mill-ġdid tal-mollijiet ta’ din iż-żona
  • jitwaħħlu puntuni ġodda
  • madwar 90 post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes ta’ sajjieda

Fil-jiem li għaddew beda xi xogħol ta’ tħammil u tindif u spjega li l-ħidma se titqassam f’fażijiet differenti biex jiġu evitati diffikultajiet fix-xogħol tas-sajjieda u attivitajiet marittimi oħra f’dan il-port.

Huwa żied jgħid li hemm ukoll gwadann ambjentali minn dan ix-xogħol, hekk kif se jsiru wkoll faċilitajiet ġodda għas-separazzjoni tal-iskart li jiġi ġġenerat mill-ħidma tas-sajjieda.

Il-Gvern qed jagħmel ukoll xogħlijiet fuq il-mollijiet f’Imġarr ix-Xini u fil-Bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna. F’Malta għaddej proġett ta’ bini mill-ġdid tal-għaxar skali ewlenin li jużaw is-sajjieda fil-port ta’ Marsaxlokk, fejn dalwaqt se jibda wkoll il-bini tal-breakwater ġdid fil-Ponta tal-Qrejten u proġett ta’ titjib tal-puntuni tas-sajjieda fl-inħawi tal-Magħluq. Dan apparti li se jibda l-bini ta’ faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri tas-servizz tal-ferries f’Tas-Sliema u f’Bormla.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li permezz ta’ dan il-proġett, il-port se jkollu dehra aħjar u se jiżdid l-ispazju.

Nofs miljun ewro għal tisbieħ f‘housing estates’ f’Santa Luċija

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Santa Luċija, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega kif €480,000 ġew utilizzati biex isiru xogħlijiet ta’ rinovar, manutenzjoni u tisbiħ ta’ erba’ binjiet kbar li jinsabu f’Misraħ Dorell u fi Triq il-Gardenja f’Santa Luċija.

Qal li 30 gallarija li kienu ta’ periklu issewwew wara li l-Awtorità tad-Djar kellha tintervjeni u tagħmel ix-xogħol neċessarju. Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li din il-lokalità, permezz tal-ħidma tal-kunsill lokali, ibbenefikat ukoll minn €31,000 oħra biex isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq sitt binjiet oħra li jinsabu fi Triq iż-Żnuber u Triq l-Għansar.