Is-sajf iżid l-inċidenti u d-domanda għad-demm

Is-sajf reġa’ magħna, is-sħana bdiet tagħmel tagħha u jekk wieħed ma joqgħodx attent din tista’ twassal għal tnaqqis fid-donazzjonijiet tad-demm.
Għaldaqstant tajjeb li minn issa wieħed jibda jisħaq li l-bżonn tad-demm ma jistax jonqos minħabba s-sħana għax is-sajf jista’ jżid miegħu iktar inċidenti u żieda fid-domanda għad-demm.
B’dan il-messaġġ, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jistieden lill-pubbliku biex jagħti d-demm:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demmta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum (inkluż fil-Festi Pubbliċi) mit-8am sas-6pm.
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 25 ta’ Ġunju ser ikun quddiem il-Knisja tas-Salib Imqaddes, Żona Sant Andrija, Ħaż-Żabbar. Dakinhar l-ħin disponibbli għall-għoti tad-demm ser ikun mit-8.30am sas-1pm.
  • fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li nhar il-Ħadd 25 ta’ Ġunju ser ikun disponibbli għall-għoti tad-demm mit-8am sal-1pm.

Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
Ritratt: Arkivji