Is-sajf iġib miegħu riskju akbar ta’ aċċidenti…

Issa li beda s-sajf u ħafna mill-miżuri marbuta mal-COVID-19 ġew relaxxati bdejna naraw iktar attività fit-toroq tagħna, u iżjed ma jgħaddi ż-żmien ser naraw ukoll żieda fl-attività fil-baħar. Dan bla dubju ta’ xejn iġib miegħu riskju akbar t’aċċidenti u għaldaqstant hemm bżonn li minn issa wieħed jaħdem fuq il-bżonn ta’ dixxiplina personali u prudenza fit-toroq, kif ukoll fil-baħar. L-iskop prinċipali ta’ dan hu li jiġu evitati l-aċċidenti u jonqos ir-riskju ta’ telf ta’ ħajjiet.

Hawn ta’ min ifakkar li l-aċċidenti, apparti li jistgħu jħarbtu l-ħajjiet, spiss jeżawrixxu lill-Bank tad-Demm għad-detriment ta’ pazjenti oħra li jkunu qed jistennew għal għadd konsekuttiv ta’ trasfużjonijiet tad-demm.

Għaldaqstant is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jappella għall-prudenza, u fl-istess ħin iħeġġeġ lin-nies biex ikomplu jkunu ġenerużi u jagħtu d-demm:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festa tal-Imnarja) mit-8:00am sas-6:00pm
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 28 ta’ Ġunju ser ikun f’Misraħ il-Paċi, quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Pembroke. Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ikun mit-8:30am sas-1:00pm.

  • fil-mobile blood donation unit li nhar It-Tnejn 29 ta’ Ġunju ser ikun fi Pjazza Girgor Boniċi, maġenb il-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun. Dakinhar l-għoti tad-demm ikun jista’ jsir mit-8:30am sas-1:00pm.

  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar It-Tlieta 30 ta’ Ġunju ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Nota importanti!

Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz. 

Din l-informazzjoni twasslet mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm