“Is-saħħa tal-LSEs qed tingħata importanza sekondarja” – UPE

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) uriet it-tħassib tagħha fuq kif qed jiġu trattati l-Learning Support Educators (LSEs) fil-linji gwida maħruġin għall-ftuħ tal-iskejjel, partikolarment għall-kindergarten.

Il-linji gwida tal-kindergarten ġew ippubblikati llum. Fihom, jingħad li biex l-LSE jipprovdi jew tipprovdi s-servizz meħtieġ, jaf iridu jaħdmu mill-viċin tal-istudenti, imma dan jiddependi mill-każ partikolari. Dan minkejja li huwa suġġerit li tinżamm distanza bejn l-istudenti u bejn l-istudenti u l-edukaturi minħabba l-imxija tal-coronavirus.

L-LSEs u l-għalliema għandhom jilbsu maskra jew visor il-ħin kollu, filwaqt li t-tfal mhumiex obbligati jilbsu maskra ġol-klassi, imma jridu jilbsuha malli jirfsu ‘l barra mill-klassi.

Ir-reazzjoni tal-UPE hija li mill-protokoll imsemmi dwar l-LSEs, donnha saħħet l-LSEs qed tingħata importanza sekondarja, billi huma mistennija jagħtu servizz mill-viċin tal-istudenti, waqt li jilbsu lbies protettiv minimu, meta anke l-għalliema huma rakkomandati li jżommu distanza ta’ żewġ metri mit-tfal. It-tfal iridu joqogħdu bejn 1.2 u 1.5 metri ‘l bogħod minn xulxin.

Il-UPE qalet li qed tikkomunika mal-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar din il-kwistjoni, u beħsiebha tibqa’ taħdem sabiex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-edukaturi meta jerġgħu jiftħu l-iskejjel fit-28 ta’ Settembru.