Is-saħħa pubblika l-ogħla prijorità għall-Maltin – stħarriġ PE

Għall-Maltin, l-ogħla prijorità bħalissa fl-infiq tal-baġit tal-Unjoni Ewropea hija s-saħħa pubblika. Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-Parlament Ewropew li staqsa liċ-ċittadini Ewropej dwar il-fehmiet tagħhom dwar il-kriżi tal-coronavirus u l-attitudnijiet tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea.

Malta, bi 58%, hija s-seba’ fost it-18-il Stat Membru fejn dawk li wieġbu jqisu s-saħħa pubblika bħala l-ogħla prijorità.

Ftit inqas minn nofs ta’ dawk li wieġbu (49%) jgħidu li huma sodisfatti bil-miżuri li ħa l-gvern nazzjonali tagħhom s’issa kontra l-pandemija tal-coronavirus, filwaqt li proporzjon simili (48%) mhumiex sodisfatti. L-attitudnijiet saru aktar negattivi mill-aħħar stħarriġ, bi tnaqqis fis-sodisfazzjon bil-miżuri tal-gvernijiet.

Iċ-ċittadini tal-UE jħossuhom inċerti dwar il-futur tagħhom, b’żewġ terzi (66%) jaqblu li l-UE għandu jkollha aktar kompetenzi biex tittratta l-pandemija. Fost dawn, il-maġġoranza kbira tal-Maltin taqbel (87%). 

Barra minn hekk, maġġoranza ta’ dawk li wieġbu (54%) jaħsbu li l-UE għandu jkollha mezzi finanzjarji akbar biex tindirizza l-konsegwenzi tal-pandemija. F’Malta, l-opinjoni pubblika hija iktar qawwija favur dan, u telgħet b’seba’ punti għal 69%. Il-Maltin huma l-inqas inklinati (b’25%) li jiffavorixxu li l-infiq għandu jiffoka fuq l-irkupru ekonomiku u opportunitajiet għan-negozji, segwiti mil-Lussemburgiżi b’29%. 

Madwar l-UE, aktar minn terz ta’ dawk li wieġbu (39%) jgħidu li l-pandemija tal-Covid-19 diġà kellha impatt fuq id-dħul personali tagħhom – din iċ-ċifra hija ogħla f’Malta (43%).