Is-saħħa l-ewwel, imbagħad l-ekonomija – Claudio Grech

Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech appella lill-Gvern biex jagħti prijorità lis-saħħa pubblika, filwaqt li widdbu biex ma jġellidx is-saħħa mal-ekonomija.

Meta kien qed jitkellem fil-kumitat ta’ provvista għall-Ministeru tal-Ekonomija, Grech qal li ma jistax ikun hemm ekonomija li tikber mingħajr poplu b’saħħtu.

Grech spjega li l-ewwel trid twaqqaf il-pandemija biex l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha. “Ikun żball jekk ninnegozjaw mas-saħħa pubblika. Jekk is-saħħa tkun ippreġudikata, l-ekonomija tagħtiha daqqa ikbar. Il-Gvern għandu jagħti l-ikbar għajnuna lill-industrija biex timxi mar-regoli tas-saħħa pubblika,” stqarr Grech.

Staqsa lill-Gvern biex inhu mistenni jirkupra €150 miljun fl-aħħar tliet xhur tas-sena fi klima ekonomika mtappna bl-pandemija tal-Covid-19. “Il-Ministru għandu jispjega kif bl-ekonomija, il-konsum u t-turiżmu fl-istat li jinsabu fihom, il-Gvern se jkun qed jipproġetta li sal-2021 se jdaħħal iktar f’income tax u social contributions iktar mill-2019, liema sena kienet waħda b’saħħitha ekonomikament,” staqsa Grech.

Dan fid-dawl tal-fatt li skont statistika tal-NSO, sa Settembru tal-2020, il-Gvern kellu defiċit ta’ €1.139 biljun iżda fil-baġit il-Gvern qed jipproġetta defiċit ta’ €100 miljun inqas.

Faxex tas-soċjetà jistagħnew, oħrajn jitfaqqru – Delia

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li dan kellu jkun l-aqwa baġit li qatt sar, mill-aqwa Ministru tal-Finanzi li qatt kien hawn immexxi mill-aqwa Prim Ministru, iżda jibqa’ l-fatt li hemm faxex differenti tas-soċjetà u l-ekonomija Maltija, li qed ikollhom esperjenzi diffiċli. Huwa qal li fi żminijiet ta’ gwerra bħalma qed ngħixu fihom, ikun hemm faxex li jistagħnew u oħrajn li jitfaqqru.

Edwin Vassallo faħħar lis-self-employed li qal li huma l-frontliners li se jsalvaw l-ekonomija, u sostna li l-pajjiż għandu dejn kbir ma’ dawn il-persuni. Madankollu, il-Gvern iddiskrimina ma’ wħud minnhom fl-għoti tal-vouchers, skont Grech.

Kristy Debono qalet li n-negozji qed jaffaċċjaw diffikultajiet kbar u hemm negozji li mietu waqt li oħra jinsabu f’xifer il-mewt. Hi appellat lill-Gvern biex jagħti l-għajnuna immedjata meħtieġa.