Is-Sagħtar ippubblikat mill-ġdid

Sagħtar

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) ħabbret li reġgħet ippubblikat ir-rivista tant maħbuba minn ġenerazzjonijiet ta’ studenti Sagħtar għall-ewwel darba wara snin wieqfa.

Din l-edizzjoni hija kemxejn differenti għax qed tittella’ online.

Il-Fondazzjoni Sagħtar fi ħdan l-MUT spjegat li did-darba se tkun rivista diġitali, li tista’ taqraha meta trid minn fuq kompjuter, mowbajl jew tablet, u tinkludi materjal varjat, informattiv, divertenti u interattiv.

Dawk interessati li jaqraw ir-rivista jistgħu jirreġistraw b’xejn fis-sit. Fuqu hemm ukoll l-edizzjonijiet passati kollha, flimkien ma’ siltiet moqrija minn qarrejja differenti, u xi drabi anke mill-awturi stess.

Is-Sagħtar għandu jibqa’ joħroġ kull xahar matul is-sena skolastika sa Mejju tal-2021. 

Is-sejħa f’Jannar li għadda
Tixtieq tikteb jew tpinġi għas-Sagħtar?

L-aħħar ħarġa tas-Sagħtar kienet f’Diċembru tal-2015.

Ir-rivista taf il-bidu tagħha lill-Moviment Qawmien Letterarju, li beda joħroġha fl-1971, b’kittieba prominenti bħal Victor Fenech u Oliver Friggieri fil-Bord Editorjali tagħha. Fenech baqa’ Editur tar-rivista sal-2008. Fl-1976, l-MUT ħadet is-Sagħtar taħt idejha. Din ir-rivista damet toħroġ għal 44 sena.