Is-safar għall-Greċja mhux affettwat

In-nirien li ħakem Attica fil-Greċja u li s’issa ħasad il-ħajja ta’ 77 persuna, m’affettwax is-safar tal-Maltin.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ aġenziji tal-ivvjaġġar li qalu li l-mawriet li organizzaw lejn din il-peniżula baqgħu għaddejjin kif ippjanat u ma tħassru l-ebda vjaġġi.

Ilbieraħ il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ħabbar li l-Gvern Malti kien lest li joffri l-għajnuna tiegħu fil-Greċja. Fid-dawl ta’ dan Newsbook.com.mt tkellem ma’  Kevin Pace, uffiċjal tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li qal li jinsabu preparati għal kulma jista’ jinqala. Fisser li qed jistennew li l-Greċja tagħmel it-talba tagħha għall-għajnuna.

Min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca esprimiet il-kondoljanzi tagħha f’ittra indirizzata lill-President tal-Greċja Prokopis Pavlopoulos, wara l-qerda li qed iħallu warajhom in-nirien.

In-nar infirex minħabba r-riħ qawwi u bosta nqabdu ġo djarhom jew fil-karozzi tagħhom.