Is-saċerdozju mhux sellum – L-Arċisqof

Tibżgħux mill-imħabba, għaliex mingħajr l-imħabba l-ħajja ssir wied niexef

L-Arċisqof Charles Scicluna dalgħodu ċċelebra quddiesa ġewwa s-Santwarju tal-Mellieħa flimkien mas-saċerdoti ġodda. Filwaqt li talabhom jkunu inbid ġdid fis-soċjetà u l-Knisja hu fakkarhom li s-saċerdozju mhux sellum imma salib.

Ftit ġranet wara l-Ordinazzjoni saċerdotali l-Arċisqof, ta’ kull sena, jiċċelebra Quddiesa ġewwa s-Santwarju tal-Mellieħa mas-saċerdoti ġodda. Filwaqt li jkun mument li matulu jitolbu u jitkellmu flimkien, l-Arċisqof jikkonsagra lis-saċerdoti ġodda lill-Madonna.

Il-messaġġ tiegħu fl-omelija, kien wieħed ta’ inkoraġġament sabiex anke fil-mumenti diffiċli huma ma jaqtgħux qalbhom. “It-talba tiegħi hi li tkunu inbid ġdid u l-qalb tagħkom tkun damiġġana ġdida.”

B’referenza għall-Evanġelju moqri waqt il-Quddiesa, l-Arċisqof ħeġġeġ lis-saċerdoti ġodda sabiex huma jgħożżu t-teżor li huma għandhom iżda fakkarhom li dan jinsab f’ġarar tal-fuħħar. Is-saċerdozju hu dan it-teżor, li mhux għall-persuna tas-saċerdot imma għall-poplu, saħaq l-Arċisqof, u li l-umanità fraġli tagħna hi dawn il-ġarrar tal-fuħħar.

Fakkar l-Arċisqof li f’omelija li għamel il-Papa Emeritu Benedittu XVI, “l-uniku mod fis-saċerdozju kif titla, hi fuq is-salib.”

“Ma nistax inwegħdekom saċerdozju mingħajr dlam” kompla l-Arċisqof filwaqt talab sabiex is-saċerdoti ġodda jgħassu fuq qalbhom; sabiex huma jfittxu l-imħabba safja imma konkreta. “Tibżgħux mill-imħabba, ikkonkluda l-Arċisqof, “għaliex mingħajr l-imħabba l-ħajja ssir wied niexef.”