Is-saċerdoti fin-Niġerja huma vittmi ta’ aġenda moħbija

Abbati jxejjer iċ-ċensier waqt funzjoni fil-Knisja ta’ San Karlu, fejn fl-2014 kien sar attakk bil-bombi mill-Boko Haram. (Credit: Ben Curtis/AP.)

Saċerdot Niġerjan qed isostni li l-qtil ta’ numru minn sħabu f’dawn l-aħħar xhur mhux biss sinjal ta’ persekuzzjoni kontra l-insara, imma hu indikazzjoi ta’ problema sistematika aktar serja.

Din is-sena biss, sal-lum, ħdan il-saċerdot inqatlu fl-Afrika u tlieta minnhom kienu min-Niġerja.

Skont Dun Valentin Obinna, qassis fid-djoċesi ta’ Aba, fin-Niġerja, sħabu s-saċerdoti maqtula huma l-aħħar vittmi f’ċiklu ta’ vjolenza li ħakmet in-Niġerja f’dawn l-aħħar snin. Hu jsostni li dan iċ-ċiklu ta’vjolenza għandu l-għeruq tiegħu fil-korruzzjoni u ‘aġenda moħbija’.

F’kumment li ta lill-aġenzija CRUX dwar il-qtil ta’ Fr. David Tanko, li nqatel fid-29 ta’ Awwissu ftit wara l-qtil ta’ Fr Peter Offu ftit jiem qabel, Dun Valentin qal li “l-qassisin huma fil-mira u huma vittmi tas-sitwazzjoni tal-biżà li hemm fil-pajjiż bħalissa”.

Persekuzzjoni ħarxa

Għalkemm l-insara fin-Niġerja huma kważi daqs nofs il-popolazzjoni tal-pajjiż, fl-aħħar snin kienu persegwitati fuq diversi fronti, primarjament mill-grupp terroristiku Islamiku – Boko Haram – u l-Fulani li l-maġġoranza tagħhom huma Musulmani.  Dawn attakkaw diversi rħula nsara bl-iskuża li qed ifittxu art biex jirgħu l-imrfieħel tagħhom.

Il-kunflitti tribali komplew iħawwdu l-istorja u għamlu s-sitwazzjoni aktar serja mhux biss għall-insara imma għall-popolazzjoni kollha, qal Fr Obinna.

Hu żied jgħid li f’xi każi, kienu l-priedki li wasslu lil ċerti qassisin biex jinħatfu jew jispiċċaw fil-qabar.  Madankollu hu jsostni  li r-raġuni vera għaliex il-ġellieda tal-Boko Haram u l-Fulani qed jitħallew jagħmlu li jridu u joħolqu problemi fil-pajjiż u l-Gvern jibqa’ ma jagħmel xejn.

Fil-fehma ta’ Fr. Obinna hemm “aġenda moħbija mit-tmexxija tal-pajjiż” dik li jagħmlu min-Niġerja pajjiż Islamiku. Il-poplu kapaċi jaqra l-kitba fuq il-ħajt”.

“Hu ovvju. Kollox bil-moħbi. Qed jippruvaw jagħmlu n-Niġerja pajjiż Musulman. Il-President tal-pajjiż, Muhammadu Buhari, qed isibha diffiċli jagħmel dan minħabba l-preżenza qawwija ta’ l-insara.  Jekk l-insara sfaw fil-mira għax il-President u dawk li għandhom il-poter iridu li l-pajjiż isir wieħed Islamiku u għalhekk qed iħallu lil Boko Haram u lill-Fulani jagħmlu li jridu, biex jippruvaw jilħqu l-iskop tagħhom”, temm jgħid Obinna.