“Is-saċerdot m’għandux ikun dejjem bin-nervi jew imdejjaq” – Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku qal li s-saċerdot għandu joħloq il-ferħ kull fejn ikun u saċerdot “li l-ħin kollu mdejjaq jew nervuż, jew b’karattru iebes, mhux tajjeb la għalih innifsu u lanqas għall-poplu.
Il-Papa kien qed jindirizza Konferenza organizzata mill-Kongregazzjoni għall-Kleru fil-50 anniversarju mill-proklamazzjoni tad-digrieti tal-Konċilju Vatikan II fuq il-ħajja u l-formazzjoni tas-saċerdot.
Huwa qal li l-bidu tal-formazzjoni għas-saċerdozju hija l-familja, li ddeskriviha bħala “ċ-ċentru tal-ħajja pastorali” u li tista’ tkun bejta ta’ vokazzjonijiet.
Il-Papa fakkar lil dawk li jieħdu ħsieb il-formazzjoni, li s-saċerdot l-ewwel u qabel kollox huwa bniedem bl-istorja tiegħu.
Huwa qal li saċerdot tajjeb huwa dak “li jagħraf l-umanità tiegħu, l-istorja tiegħu bil-mumenti sbieħ u l-weġgħat u li iżda tgħallem joħloq serenità fih innifsu, karaterristika ta’ dixxiplu ta’ Ġesù.”
“Il-formazzjoni umana tas-saċerdot hija essenzjali biex jitgħallem ma jkunx iddominat mil-limitazzjoniiet tiegħu, iżda jpoġġi t-talenti tiegħu għas-servizz,” kompla l-Papa.
Franġisku saħaq li kull fejn ikun, is-saċerdot għandu jkun “bniedem ta’ paċi,” li joħloq ambjent ferrieħi madwaru anke f’mumenti diffiċli.
Huwa fakkar lis-saċerdoti, li l-missjoni tagħhom hija li jkunu viċin ħuthom il-bnedmin u dejjem għas-servizz tagħhom.
“Aħna mhux saċerdoti għalina nfusna, iżda l-qdusija tagħna tiġi min-nies.” Kompla biex appella lill-Qassisin u r-Reliġjużi biex ma jħarsux lejn is-Saċerdozju bħala xogħol li malli jlestuh, jgħixu ħajja oħra.