Is-CRPD twaqqaf is-sospensjoni ta’ tifel bl-ADHD minn skola

Wieħed mill-każi li investigat il-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità (CRPD) matul l-2019, kien dak ta’ tifel bl-ADHD li spiċċa sospiż mill-iskola.

Id-dettalji tal-każ ħarġu fir-rapport annwali ppubblikat mill-Kummissjoni. Dan jagħti ħarsa lejn il-każijiet tal-2019 kif ukoll il-ħidma tal-Kummissjoni b’mod inġenerali.

Il-Kummissjoni spjegat kif ġenitur li ibnu ġie djanjostikat bl-ADHD avviċina lis-CRPD wara li ibnu ġie sospiż mill-iskola minħabba l-imġiba diffiċli tiegħu. L-Attention Deficit Hyperactivity Disorder (ADHD) hija kundizzjoni fil-moħħ li għandha effett dirett fuq il-partijiet li jikkontrollaw kemm wieħed jikkonċentra u kif persuna ġġib ruħha.

Il-ġenitur kien tal-fehma li l-iskola ma kinitx qed tappoġġja b’mod adegwat il-ħtiġijiet tal-iben, billi sostniet li l-imġieba diffiċli tiegħu kienet ikkawżata in-nuqqas ta’ ftehim tal-iskola. Il-Kap tal-Iskola qal li l-ADHD tal-istudent kien aspett biss tas-sitwazzjoni kollha.

Minn hawn, il-Kummissjoni ssuġġeriet li ssir case conference biex is-sitwazzjoni tkun trattata b’mod ħolistiku. Il-partijiet ikkonċernati hawn qasmu l-fehmiet tagħhom dwar il-punti b’saħħithom u dawk dgħajfa tal-istudent inkwistjoni.

Dan wassal biex ikun diskuss pjan konkret li jistabbilixxi strateġiji li għandhom ikunu implimentati sabiex l-istudent ikun appoġġjat bl-aħjar mod u maqbul kemm mill-iskola kif ukoll mill-ġenituri. Wara ftit ġimgħat, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-ġenituri biex issegwi l-każ u kkonfermaw li l-istrateġiji kollha kienu qed jiġu segwiti. B’hekk il-każ kien ikkunsidrat magħluq.

Is-CRPD hija responsabbli milli tiżgura li l-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs ikun osservat b’mod raġjonevoli. Is-CRPD tirċievi l-ilmenti mill-pubbliku li jħossu li qed jiġu ddiskriminati u wkoll tista’ tibda investigazzjonijiet fuq inizjattiva tagħha stess. Matul l-2019, l-Investigations Unit irċieva 629 talba għal investigazzjonijiet. Il-maġġoranza tagħhom kellhom x’jaqsmu mal-allegat użu ħażin jew abbuż tal-Blue Badge. 174 rapport kienu relatati ma’ kwistjonijiet ta’ aċċessibilità. Fejn jidħlu lmenti dwar l-edukazzjoni kien hemm 106 u kien hemm 58 dwar l-għoti ta’ oġġetti, servizzi u faċilitajiet. 24 ilment kienu relatati ma impjiegi, 26 mal-akkomodazzjoni u sitt ilmenti dwar l-għoti tas-servizzi tas-saħħa u ksur ta’ drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Trid tifhem aktar dwar l-ADHD? Aqra l-istorja ta’ Philip:
Filmat: “Trattawni differenti għax bl-ADHD; il-bowling għenni” – Philip

18,484 persuna b’diżabilità rreġistrata mas-CRPD

Matul l-2019, kien hemm 18,484 persuna b’diżabilità rreġistrata mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD). Minn dawn, 15,357 kellhom diżabilitajiet fiżiċi, 3,426 kellhom nuqqas intellettwali, 2,401 kellhom diżabilità psikoloġika, 1,572 kellhom nuqqas fis-smigħ u 1,626 kellhom nuqqas relatat mad-dawl t’għajnejhom. Hemm persuni li huma rreġistrati li ħanfhom aktar minn diżabilita waħda.

Il-missjoni tal-Kummissjoni hija li tagħmel is-soċjetà Maltija waħda inklussiva b’mod li l-persuni b’diżabilità jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-aspetti kollha tal-ħajja. Dan billi jgawdu kwalità għolja ta’ ħajja bis-saħħa ta’ opportunitajiet indaqs. Il-Kummissjoni taħdem biex telimina kull forma ta’ diskriminazzjoni soċjali diretta jew indiretta konta l-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom filwaqt li tipprovdilhom l-assistenza u s-sapport meħtieġ.

Fil-kelmtejn tad-daħla tar-rapport, il-Kummissarju Oliver Scicluna qal li l-Kummissjoni tista’ tirraporta żvilupp fuq l-oqsma kollha tagħha. Qal li l-każijiet li ġew indirizzati mit-tim investigattiv qed jiżdied. Semma kif it-tim tal-compliance ma jaħdimx biss biex iħares l-aspett tal-aċċessibilità tal-applikazzjonijiet iżda ppubblika wkoll żewġ rapporti li jemfasizzaw in-nuqqas ġenerali ta’ aċċess fiżiku fiż-żoni kummerċjali.

Intant, id-Direttur Eżekuttiv Rhoda Garland qalet li fis-sena li ġejja, is-CRPD se tkun qed tiżviluppa l-Enforcement Unit tagħha u ttejjeb is-sistemi informatiċi tagħha biex tippermetti l-ipproċessar online tal-Blue Parking Badge. Dan bil-għan li tipprovdi proċedura ta’ applikazzjoni aktar effiċjenti u effettiva għall-klijenti tagħha.

Matul l-2019, is-CRPD kienet allokata baġit tal-gvern ta’ €1,120,000. Ingħatat ukoll total ta’ €15,068.50 f’fondi tal-Unjoni Ewropea.