Is-CRPD tistenna r-reazzjoni tal-Ministeru fuq id-direttivi li jolqtu ħażin lit-tfal b’diżabbiltà

DOI: Clifton Fenech

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (CRPD) qed tistenna li l-Ministeru għall-Edukazzjoni jirreaġixxi għal dawk id-direttivi maħruġin mill-unjins li qed jolqtu b’mod negattiv lill-istudenti b’diżabbiltà.

Fi stqarrija, is-CRPD spjegat li dawn jinkludu direttivi biex għalliema peripatetiċi jew kumplimentarji li jagħtu servizz fil-primarja ma jibdewx servizzi dan ix-xahar u jibqgħu fl-iskejjel assenjati.

Il-Kummissjoni saħqet li dawn id-direttivi qed jaffettwaw b’mod negattiv lil tfal b’nuqqas ta’ smigħ u dawl, li għandhom bżonn early intervention, dawk fuq l-ispettru tal-awtiżmu u dawk bil-home tuition.

Hemm ukoll direttiva biex il-Learning Support Educators (LSEs) ma jagħmlux osservazzjonijiet ta’ studenti li jinsabu d-dar ġaladarba dawn ma jistgħux josservaw l-abbiltajiet tal-istudent fiżikament. Direttiva oħra tgħid li l-LSEs m’għandhomx jipparteċipaw fl-Individual Educational Plans (IEPs) u Measurable Action Plans (MAPs) tal-istudenti li ma jinsabux l-iskola għax dawn ma jistgħux jiġu fiżikament osservati u oħra li l-LSEs għandhom jużaw ir-rapporti tal-IEP u MAP tas-sena l-oħra.

Il-Kummissjoni qalet li se tkompli issegwi s-sitwazzjoni u se tieħu deċiżjoni dwar l-azzjonijiet li se tieħu fil-ġranet li ġejjin.

Ftit tal-jiem ilu, il-Kummissjoni oġġezzjonat għat-talba tal-UPE biex l-iskejjel jingħalqu u t-tagħlim isir online, peress li qalet li deċiżjoni bħal din tkun qed teskludi l-bżonnijiet tat-tfal b’diżabbiltà. Dan għaliex studenti bl-awtiżmu, pereżempju, isibuha diffiċli jsegwu l-lezzjonijiet online.

Is-CRPD appellat li jkun hemm soluzzjoni ċara għall-ġid tat-tfal kollha.