Poġġamani f’residenza għal tifel b’diżabilità investigati mis-CRPD

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) ħadmet sabiex tinvestiga l-każ ta’ omm li rċeviet oġġezzjoni għal poġġamani li kienu nstallati fid-dħul ta’ blokka ta’ appartamenti biex jgħinu tifel b’diżabilità jaċċessa l-binja.

Id-dettalji tal-każ ħarġu fir-rapport annwali ppubblikat mill-Kummissjoni. Dan jagħti ħarsa lejn il-każijiet tal-2019 kif ukoll il-ħidma tal-Kummissjoni b’mod inġenerali.

Il-Kummissjoni spjegat kif l-omm ta’ wild b’diżabilità fil-mobilità li tgħix f’appartament b’akkomodazzjoni soċjali kellha oġġezzjoni għal ittra li waslet mingħand l-Awtorità tad-Djar. Din l-ittra ddikkjarat li l-poġġamani mwaħħlin biex jgħinu l-mobilita ta’ binha kienu meqjusin bħala li jostakolaw id-dħul tal-blokk ta’ appartamenti. Dawn il-puġġamani kienu ġew installati biex itejbu l-mobilità tal-persuna minħabba taraġ fid-dħul tal-bini.

Kien spjegat kif waqt il-laqgħa mal-persuna li ressqet l-ilment, sar magħruf li l-poġġamani kienu twaħħlu bil-barka tal-Awtorità tad-Djar. L-omm kienet applikat biex il-poġġamani jiġu stallati permezz tal-Care and Repair Scheme tal-Awtorità. Minn hawn, il-Kummissjoni rreferiet il-każ lill-Awtorità tad-Djar għall-kunsiderazzjoni tagħha u ġie konkluż li l-poġġamani kienu twaħħlu kif mifiehem u ċċertifikati mill-inġinier tagħha. B’hekk il-każ kien ġie kkunsidrat magħluq.

Is-CRPD hija responsabbli milli tiżgura li l-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs ikun osservat b’mod raġjonevoli. Is-CRPD tirċievi l-ilmenti mill-pubbliku li jħoss li qed jiġi ddiskriminat u wkoll tista’ tibda investigazzjonijiet fuq inizjattiva tagħha stess. Matul l-2019, l-Investigations Unit irċieva 629 talba għal investigazzjonijiet. Il-maġġoranza tagħhom kellhom x’jaqsmu mal-allegat użu ħażin jew abbuż tal-Blue Badge. 174 rapport kienu relatati ma’ kwistjonijiet ta’ aċċessibilità. Fejn jidħlu lmenti dwar l-edukazzjoni kien hemm 106 u kien hemm 58 dwar l-għoti ta’ oġġetti, servizzi u faċilitajiet. 24 ilment kienu relatati ma’ impjiegi, 26 mal-akkomodazzjoni u sitt ilmenti dwar l-għoti tas-servizzi tas-saħħa u ksur ta’ drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Il-missjoni tal-Kummissjoni hija li tagħmel is-soċjetà Maltija waħda inklussiva b’mod li l-persuni b’diżabilità jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-aspetti kollha tal-ħajja. Dan billi jgawdu kwalità għolja ta’ ħajja bis-saħħa ta’ opportunitajiet indaqs. Il-Kummissjoni taħdem biex telimina kull forma ta’ diskriminazzjoni soċjali diretta jew indiretta konta l-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom filwaqt li tipprovdilhom l-assistenza u s-sapport meħtieġ.

Matul l-2019, it-tim tal-Investigations intalab jagħti pariri lill-pubblik dwar 117-il każ u talab lill-uffiċjali tekniċi mill-Unit tal-Compliance biex iwettqu 138 spezzjoni fuq il-post. Dan biex jiddeterminaw il-livell ta’ aċċessibilità fuq il-post li kien is-suġġett ta’ investigazzjoni.