Is-CRPD tintervjeni biex omm ta’ tifel b’diżabilità titħalla taħdem sigħat flessibbli

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) intervjeniet sabiex tgħin omm ta’ żagħżugħ ta’ 17-il sena b’diżabilità tikkonvinċi lil min iħaddimha biex iħalliha taħdem sigħat ta’ xogħol flessibbli.

Id-dettalji tal-każ ħarġu fir-rapport annwali ppubblikat mill-Kummissjoni. Dan jagħti ħarsa lejn il-każijiet tal-2019 kif ukoll il-ħidma tal-Kummissjoni b’mod inġenerali.

Il-Kummissjoni spjegat kif kienet ikkuntattjatha omm ta’ tifel b’diżabilità li jeħtieġ livell għoli ta’ assistenza u jattendi ċ-Ċentru tar-Riżorsi. L-omm, li taħdem, spjegat li l-ħin tat-trasport għall-iskola ta’ binha kien se jaħbat mas-sigħat tax-xogħol tagħha. Hi spjegat li kienet qed tħabbat wiċċha ma’ problemi bit-talba tagħha għal sigħat ta’ xogħl flessibli biex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel ta’ binha mid-dar għall-iskola u lura.

Kien hawn li interveniet il-Kummissjoni u tkellmet mas-superjur dirett tagħha. Din ikkolaborat biex eventwalment intlaħaq ftehim wata li l-ħtiġijiet tal-omm kienu identifikati. Il-ftehim ippermetta ħin tax-xogħol aktar flessibbli fis-sajf waqt li binha jkun bil-vaganzi. Iddiskutew pjan konkret li jistabbilixxi strateġiji li għandhom ikunu implimentati biex l-istudent ikollu l-aqwa appoġġ, liema ftehim sar bi qbil kemm mill-iskola, kif ukoll mill-ġenitur.

Il-Kummissjoni għamlet kuntatt mal-omm ftit ġimgħat wara li daħal fis-seħħ dan il-ftehim. L-omm ikkonfermat li l-istrateġiji kollha kienu qed ikunu segwiti u li l-każ jista’ jitqies magħluq.

629 talba għal investigazzjonijiet

Is-CRPD hija responsabbli milli tiżgura li l-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs ikun osservat b’mod raġjonevoli. Is-CRPD tirċievi l-ilmenti mill-pubbliku li jħossu li qed jiġu ddiskriminati u wkoll tista’ tibda investigazzjonijiet fuq inizjattiva tagħha stess. Matul l-2019, l-Investigations Unit irċieva 629 talba għal investigazzjonijiet. Il-maġġoranza tagħhom kellhom x’jaqsmu mal-allegat użu ħażin jew abbuż tal-Blue Badge. 174 rapport kienu relatati ma’ kwistjonijiet ta’ aċċessibilità. Fejn jidħlu lmenti dwar l-edukazzjoni kien hemm 106 u kien hemm 58 dwar l-għoti ta’ oġġetti, servizzi u faċilitajiet. 24 ilment kienu relatati ma impjiegi, 26 mal-akkomodazzjoni u sitt ilmenti dwar l-għoti tas-servizzi tas-saħħa u ksur ta’ drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Il-missjoni tal-Kummissjoni hija li tagħmel is-soċjetà Maltija waħda inklussiva b’mod li l-persuni b’diżabilità jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-aspetti kollha tal-ħajja. Dan billi jgawdu kwalità għolja ta’ ħajja bis-saħħa ta’ opportunitajiet indaqs. Il-Kummissjoni taħdem biex telimina kull forma ta’ diskriminazzjoni soċjali diretta jew indiretta konta l-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom filwaqt li tipprovdilhom l-assistenza u s-sapport meħtieġ.

Matul l-2019, it-tim tal-Investigations intalab jagħti pariri lill-pubblik dwar 117-il każ u talab lill-uffiċjali tekniċi mill-Unit tal-Compliance biex iwettqu 138 spezzjoni fuq il-post. Dan biex jiddeterminaw il-livell ta’ aċċessibilità fuq il-post li kien is-suġġett ta’ investigazzjoni.