Is-CRPD taħdem biex tiġi nstallata rampa quddiem ħanut li ma kienx aċċessibbli

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) ħadmet sabiex twassal biex tkun installata rampa quddiem ħanut li ma kienx aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.

Id-dettalji tal-każ ħarġu fir-rapport annwali ppubblikat mill-Kummissjoni. Dan jagħti ħarsa lejn il-każijiet tal-2019 kif ukoll il-ħidma tal-Kummissjoni b’mod inġenerali.

Il-Kummissjoni spjegat kif persuna b’diżabilità daret lejn is-CRPD minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għal ħanut partikolari. Wara l-intervent tas-CRPD, il-maniġment għamel rampa fissa fid-dħul li tqieset bħala aċċettabbli mill-uffiċjal tekniku tas-CRPD.

Is-CRPD hija responsabbli milli tiżgura li l-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs ikun osservat b’mod raġjonevoli. Is-CRPD tirċievi l-ilmenti mill-pubbliku li jħossu li qed jiġu ddiskriminati u wkoll tista’ tibda investigazzjonijiet fuq inizjattiva tagħha stess. Matul l-2019, l-Investigations Unit irċieva 629 talba għal investigazzjonijiet. Il-maġġoranza tagħhom kellhom x’jaqsmu mal-allegat użu ħażin jew abbuż tal-Blue Badge. 174 rapport kienu relatati ma’ kwistjonijiet ta’ aċċessibilità. Fejn jidħlu lmenti dwar l-edukazzjoni kien hemm 106 u kien hemm 58 dwar l-għoti ta’ oġġetti, servizzi u faċilitajiet. 24 ilment kienu relatati ma impjiegi, 26 mal-akkomodazzjoni u sitt ilmenti dwar l-għoti tas-servizzi tas-saħħa u ksur ta’ drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.

Matul is-snin, Newsbook.com.mt tkellem u rrapporta dwar diversi każi simili ta’ nuqqas ta’ aċċessibiltà għal persuni b’diżabilità. Il-Kummissarju nniffsu, Oliver Scicluna, kien u għadu vokali ħafna dwar is-suġġett bil-għan li persuni b’diżabilità jkollhom opportunità bħal kulħadd biex jaċċessaw binjiet, toroq u jkunu jistgħu jgħixu ħajjithom b’mod normali.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Scicluna fl-2019 kien qal li l-aktar rapporti li jidħlu għand il-Kummissjoni huma dwar in-nuqqas ta’ aċċess. Hu kien tkellem ukoll dwar il-Kummissjoni hija xhieda li meta wieħed jimpjega persuni b’abbiltajiet differenti u b’hekk ikun hemm diversità, wieħed jista’ xorta waħda jkun ta’ suċċess.

Il-missjoni tal-Kummissjoni hija li tagħmel is-soċjetà Maltija waħda inklussiva b’mod li l-persuni b’diżabilità jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-aspetti kollha tal-ħajja. Dan billi jgawdu kwalità għolja ta’ ħajja bis-saħħa ta’ opportunitajiet indaqs. Il-Kummissjoni taħdem biex telimina kull forma ta’ diskriminazzjoni soċjali diretta jew indiretta konta l-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom filwaqt li tipprovdilhom l-assistenza u s-sapport meħtieġ.

Matul l-2019, it-tim tal-Investigations intalab jagħti pariri lill-pubblik dwar 117-il każ u talab lill-uffiċjali tekniċi mill-Unit tal-Compliance biex iwettqu 138 spezzjoni fuq il-post. Dan biex jiddeterminaw il-livell ta’ aċċessibilità fuq il-post li kien is-suġġett ta’ investigazzjoni.