Is-70 miraklu li seħħ f’Lourdes

Is-Santwarju Marjan f’Lourdes irrikonoxxa bħala miraklu l-fejqan għall-għarrieda ta’ soru Franġiskana Franċiża li wara li għamlet pellegrinaġġ f’dan il-post ta’ devozzjoni fieqet minn diżabilità li kienet ilha ġġorr is-snin twal.
Suor Bernadette Moriau li għandha 78 sena sofriet ħsara fin-nervituri fix-xewka ta’ daharha lejn tmiem is-snin 60 – aktar minn 50 sena ilu. It-tobba wettqu fuqha erba’ operazzjonijiet imma kien kollu għalxejn tant li fl-1988 kienet dikjarata invalida.  Barra minn dan hi kienet tieħu dożi regolari ta’ morfina għall-uġigħ u tilbes apparat apposta f’saqajha biex sieqha ma tkomplix issir deformata.
Fl-2008, kien tabib li ssuġġerielha li tmur pellegrinaġġ f’Lourdes.  Hi aċċettat dan il-parir iżda ma’ poġġiietx tamiet kbar li se tfieq. 
"Jien tlabt għall-morda iżda ma tlabtx biex infieq jien – ma għaddilix minn moħħi li nitlob għalija nnifsi”, qalet Suor Bernardette.
Wara  ftit jiem irritornat lejn il-kunvent tagħha. Is-soru tgħid li darba semgħet vuċi tgħidilha biex tqum timxi u hi hekk għamlet.  Immedjatament issejħu t-tobba li wara li eżaminawha bir-reqqa ma sabu ebda traċċi tal-kundizzjoni li kellha.
Il-każ tagħha ntbagħat quddiem il-Kumitat Mediku Internazzjonali ta’ Lourdes fejn sarulha ruxxmata testijiet u eżamijiet mediċi li r-riżultati tagħhom kienu studjati minn Kumitati u esperti mediċi kemm fl-2009 kif ukoll fl-2013 u anke fl-2016.  Ir-riżultat dejjem kien li t-tobba ma setgħux jispjegaw il-fejqan ta’ din is-soru bix-xjenza medika.
Għalhekk il-fejqan tagħha qed jitqies bħala miraklu bl-interċessjoni tal-Madonna.  L-istorja tagħha qed tixxandar fuq filmat preparat u mqassam mid-djoċesi ta’ Beauvais, fit-Tramuntana ta’ Pariġi fejn hi tgħix fil-kunvent tas-Sorijiet Franġiskani.