Is-7 proġetti ewlenin fit-toroq se jnaqqsu 62,000 tunnellata ta’ emissjonijiet

MTIP

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli rreferiet għall-istudju tal-Ekonomista Gordon Cordina li jispjega kif mis-7 proġetti infrastrutturali ewlenin, jiġifieri dawk tal-Marsa-Ħamrun Bypass, tal-Marsa Junction, it-triq tal-Balal, it-triq Buqana, u l-mini ta’ Santa Luċija u ta’ Sant’ Andrija, Malta se tieħu lura €7 miljun f’benefiċċji għal kull miljun ewro investiti.

Apparti minn dan, se jitnaqqsu 62,000 tunellata f’emissjonijiet fl-arja, se jiġu ffrankati €5 miljun f’sigħat mill-ivjaġġar u se jiġu ffrankati €25 miljun mill-fuel kull sena. F’dan il-kuntest, il-Ministru qalet li wieħed irid jifhem li l-inkonvenjent temporanju f’ċerti toroq se jwassal għal benefiċċju fit-tul li jiżboq bil-wisq is-sagrifiċċju attwali.

Dan intqal waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali li matulha ġie diskuss il-pjan tal-Gvern għat-toroq kollha ta’ Malta wara preżentazzjoni mill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi. Kien hemm ukoll preżentazzjoni minn Helga Ellul dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva.

Waqt konferenza oħra l-Ministru għall-Ambjent José Herrera, tkellem dwar park kbir li se jkun qed jinfetaħ f’Ħaż-Żabbar. Hu spjega li fih madwar 44 tomna art u se ssir fih installazzjoni ta’ sistemi tad-dawl, tal-ilma u tas-CCTV; se jsir il-pavimentar u l-mogħdijiet ġodda; installazzjoni ta’ għamara tal-ġonna kif ukoll logħob għat-tfal u bini ta’ teatru miftuħ, kafetterija u faċilitajiet sanitarji pubbliċi.

Dalli ddeskriviet dan il-proġett bħala ħolma li se jkun qed jikkontribwixxi għar-riabilitazzjoni soċjali taż-żona.