Is-7 persuni li sfaw maqtulin fl-2020

vittmi qtil 2020
Ritratt fl-isfond: Mix-xena tad-delitt ta' Victor McKeon

Read in English.

Is-sena 2020 kienet waħda partikolarment diffiċli minħabba l-pandemija li ħasdet ħajjet kulħadd, iżda għal seba’ familji din is-sena tibqa’ ttimbrata bħala s-sena li fiha tilfu lill-għeżież tagħhom fi qtil kiesaħ u biered.

Chantelle Chetcuti

L-ewwel qtil li seħħ din is-sena kien dak ta’ Chantelle Chetcuti fit-2 ta’ Frar f’Ħaż-Żabbar, meta hija qalgħet daqqiet ta’ sikkina mingħand l-eks sieħeb tagħha u missier iż-żewġ uliedha. Chantelle kellha 34 sena u kienet minn Ħal Safi. Hija mietet wara 24 siegħa tissielet għal ħajjitha fl-Isptar Mater Dei.

Fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-allegat qattiel Justin Borg, instema’ kif il-koppja kellha relazzjoni iebsa, immarkata bi ġlied u theddid. Xhieda spjegaw kif hu ġieli kien sawwatha, mentri hu allega li hi kienet tużah għall-flus.

F’Ottubru, Justin Borg ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Amoubi Joseph Ezechi

Xahar biss wara, fil-15 ta’ Marzu, inqatel Amoubi Joseph Ezechi, Niġerjan ta’ 37 sena, b’sikkina waqt argument fi Triq il-Ġifen fil-Qawra.

Għal dan id-delitt ġie arrestat Niġerjan ieħor ta’ 38 sena, li wieġeb mhux ħati, iżda għadu qed jinżamm arrestat peress li ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.

Victor McKeon

Jumejn biss wara, fis-17 ta’ Marzu, il-pulizija sabu kadavru mgeżwer fil-boroż tal-plastik tal-iskart ġo appartament f’Misraħ Dorell f’Santa Luċija. Aktar tard, il-ġisem ġie identifikat bħala dak ta’ Victor McKeon, raġel ta’ 62 sena.

L-akkużat f’dan il-każ huwa Samir Almiri, Libjan ta’ 35 sena li dan ix-xahar ġie estradit mill-Marokk sabiex jibdew il-proċeduri kontrih. Fl-aħħar seduta ġimgħa ilu ntqal li hemm biżżejjed provi biex Almiri jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.

Saviour Gaffarena

Wara xhur li fihom l-aħbarijiet kienu ddominati mill-imxija tal-coronavirus, fit-30 ta’ Lulju, Malta sebħet bl-aħbar ta’ delitt ieħor il-lejl ta’ qabel, din id-darba ta’ Saviour Gaffarena, żagħżugħ ta’ 27 sena mill-Imqabba, li nqatel b’tir f’rasu f’Ħal Millieri. Huwa kien riekeb ġo karozza li kien qed isuq kuġinuh Vince Gaffarena ta’ 17-il sena mill-Imqabba wkoll, li wkoll spiċċa ferut l-isptar.

Żewġ żgħażagħ, ta’ 18 u 19-il sena minn Ħal Kirkop, huma akkużati b’dan il-qtil. Owen Schembri nħeles fuq pleġġ dan ix-xahar, filwaqt li Leon Debono għadu qed jinżamm arrestat.

Antoine Dalli

Fis-7 t’Awwissu, kien hemm id-delitt traġiku ta’ Antoine Dalli minn missieru Salvu Dalli f’Ħal Għaxaq.

Antoine, li kellu 37 sena, intlaqat minn tir f’żaqqu u nstab ġor-residenza ta’ missieru fi Triq il-Gudja. Missieru, li għandu 68 sena, qed jiġi akkużat bil-qtil. Fil-qorti nstema’ kif il-missier u l-iben ta’ sikwit kien ikollhom xi jgħidu bejniethom, fosthom fuq flus.

F’Novembru Salvu Dalli ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest.

Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski

F’Awwissu seħħ qtil ieħor makabru, din id-darba ta’ żewġ persuni: il-koppja Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski nqatlu f’darhom fi Triq Locker f’Tas-Sliema fit-18 t’Awwissu. Huma nstabu maqtulin b’tiri ta’ arma tan-nar f’sulari differenti tad-dar. Pandolfino kien Malti ta’ 58 sena, filwaqt li Maciejowski kien Ingliż ta’ 30 sena.

Għal dan il-każ ġew arrestati tliet persuni: Daniel Muka, Albaniż ta’ 25 sena, Viktor Dragomanski, Maċedonjan ta’ 36 sena, u Jesper Kristiansen, Daniż ta’ 30 sena. Kristiansen ħarab minn Malta ftit jiem wara d-delitt u mar Spanja. Huwa ġie estradit lejn Malta f’Novembru.

Il-mottiv jidher li kien wieħed ta’ serq, imma l-każ għadu qed jiġi investigat u analizzat fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra t-tliet irġiel akkużati.