Is-27 mexxej Ewropew jiltaqgħu f’summit importanti

Ursula von der Leyen

Read in English.

Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea jiltaqgħu llum biex jiżblokkaw il-pakkett ta’ €1.8 triljun li ġie stabbilit biex jgħin biex terġa’ titqajjem l-ekonomija wara l-pandemija tal-COVID-19. Dan filwaqt li jsibu ftehim dwar għanijiet ġodda u aktar ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima.

Matul it-taħditiet li mistennija jdumu jumejn, il-mexxejja tas-27 pajjiż tal-UE se jiddiskutu wkoll il-vaċċini tal-COVID-19, kif se jkunu r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti u sanzjonijiet kontra t-Turkija fid-dawl tat-tħaffir fl-ibħra ikkontestati fil-Mediterran.

L-enfasi tal-laqgħa se tkun fuq l-iżblokk ta’ self konġunt storiku tal-UE ta’ €750 biljun biex jiffinanzja l-irkupru wara l-pandemija u l-baġit tal-UE ta’ €1.1 triljun għall-2021-2027 li jiffoka fuq id-diġitalizzazzjoni u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Il-qbil dwar il-flus huwa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti għal ftehim fuq proposta li l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 aktar milli l-għan miftiehem bħalissa ta’ 40%.