Irxoxt Birgu: “Spiża enormi; ħa nagħmel rapport l-għassa” – L-Arċipriet

L-Arċipriet tal-Birgu sostna li l-inċident bl-Irxoxt li spiċċa bid-driegħ ix-xellugi nieqes kien tort tan-negliġenza ta' min għamel il-wajers tad-dawl fit-triq. Min-naħa l-oħra l-Enemalta sostniet li l-wajers involuti f'dan l-inċident mhumiex tal-kumpanija.
"L-istatwa se tinvolvi spiża enormi" – Arċipriet
Ma’ Newsbook.com.mt, Dun Karm Busuttil qal li t-tiswijja tal-istatwa “se tinvolvi spiża enormi”.
Dun Karm spjega kif qabel ma jiġru bil-vara, ir-reffiegħa jpoġġu l-vara fl-art imbagħad jerfgħuha bl-idejn. Żied jgħid li meta waslu biex iduru għal Triq il-Ħabs l-Antik, l-istatwa weħlet ma’ wajer tad-dawl.
L-Arċipriet kompla jispjega li l-wajer tant kien baxx li lanqas kien jgħaddi vann żgħir minn taħtu. Insista li minħabba f’hekk se jagħmel rapport mal-Pulizija.
Filwaqt li kien grat li ma weġġa’ ħadd, irrimarka aktar minn darba li l-ispiża sabiex l-istatwa tiġi rrestawrata se tkun waħda enormi. Qal ukoll li minbarra li tqaċċtet id l-Irxoxt, tgħawweġ ukoll l-arblu tal-bandiera tal-fidda.
L-istatwa, li saret minn Salvu Psaila fl-1833, se tiġi rrestawrata minn restawratur minn Ħal Tarxien.
Dun Karm Busuttil qal li inċident simili qatt ma ġraw qabel bl-istatwa tal-Irxoxt fil-Birgu.
Dan l-inċident ma waqqafx il-purċissjoni.
"L-Enemalta m'għandiex x'taqsam mal-inċident" 
Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Enemalta dwar il-każ li sostniet li mill-investigazzjonijiet preliminari li saru mit-tekniċi tal-Enemalta, ma rriżultax li kien hemm wajers tal-kumpanija nvoluti f'dan l-inċident.