Irwiegel: Maltemp f’Awwissu, il-bqija dejjem bnazzi

Skont l-antenati tagħna Jannar kiefer u Frar għandu d-dwiefer u l-bard ta’ Jannar iqaxxar ġild il-ħmar. Suppost ninsabu fl-eqqel tax-xitwa, iżda l-jiem ta’ bnazzi, is-sema kaħlana u t-temperaturi moderati qed jiżbqu dan kollu.
Ma’ Newsbook.com.mt, l-amministratur tal-paġna Irwiegel fuq Facebook, qal li bħala temp, l-2016 se tkun sena mħawda. 
“La se jkollna xitwa u lanqas sajf! Jew inkella xitwa pjuttost ġentili u sajf imxarrab,” spjega. Qal ukoll li jidher li din is-sena mhux se jkollna staġuni
u qabbel it-tbassir tat-temp ta’ din is-sena ma’ klima tropikali, fejn it-temperatura medja tax-xhur kollha tas-sena tkun ta’ 18°C.
Żied jgħid li l-aktar xahar b’temp stramb hu Awwissu fejn qed jiġu previsti maltempati bix-xita. Iddeskriva Awwissu bħala sorpriża kbira u li kważi għandna xahar sħiħ bil-maltempati bix-xita u r-ragħad. Mistenni jaqleb aħjar għall-aħħar tax-xahar.
L-espert tal-irwiegel qal li f’Jannar kellna temp pjuttost bnazzi u li minkejja l-bidu ta’ Frar jista’ jkun xitwi, f’nofs ix-xahar se jkollna temp sabiħ għalkemm bi ftit xita. F’Marzu mbassar il-bnazzi wkoll, b’maltempati iżolati bir-ragħad f’nofs ix-xahar.
It-temp f’April se jkun jixbaħ lil dak ta’ Jannar, varjabbli ħafna, bix-xita mistennija fl-aħħar tax-xahar. Mejju mbassar temp sabiħ u mhux daqstant sħun, bi ftit irxiex.
F’Ġunju u f’Lulju mistenni jkollna temp sabiħ b’temperaturi moderati u mhux daqstant sħan. L-irwiegel qed ibassru xi ħalbiet tax-xita fis-seba’ xahar tas-sena.
Settembru mhux mistenni jkun daqstant umdu, u se jkun karatterizzat minn ġranet sbieħ u oħrajn b’maltempati. Ottubru u Novembru mistennija jkunu bħal Jannar, bnazzi b’ċans ta’ maltempata jew ħalbiet tax-xita.
It-12-il xahar tal-2016 se jkompli t-tendenza ta’ din is-sena, bnazzi b’ċans ta’ xi ħalbiet tax-xita.
L-irwiegel huma sett ta’ regoli li kienu jużaw fl-antik biex jippruvaw jaqtgħu kif se jkun it-temp is-sena ta’ wara.  Kienu jaqbdu t-12-il jum ta’ qabel il-Milied, mit-13 ta’ Diċembru sal-24 ta’ Diċembru u josservaw it-temp f’dawn il-ġranet. Imbagħad iqabblu kull ġurnata ma’ wieħed mit-12-il xahar tas-sena.
Tista’ tniżżel il-kalendarju sħiħ tal-irwiegel hawn.