Irvell Ħal Far: Il-Gvern se jħallas għall-karozzi li nħarqu

Miguela Xuereb

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ħabbar li l-Gvern se jkun qed iħallas għall-karozzi li nħarqu fil-lejl li għadda waqt l-irvell li qam fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.

Għall-mistoqsija tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, il-Ministru Farrugia qal li kien hemm tliet Pulizija li weġġgħu ħafif u l-Gvern se jagħmel tajjeb għall-ħsarat li ġarrbu l-karozzi.

Fir-risposta tiegħu, il-Ministru qal li Malta hija pajjiż demokratiku u jistgħu jsiru protesti paifiċi iżda kulħadd irid iżomm mal-liġijiet. Il-Ministru qal li l-ammont ta’ nies involuti huma ta’ inqas minn 300, semma li kien hemm 107 persuni li ġew arrestati u mitkellmu u minn dawn ġew identifikati l-persuni li qajjmu l-irvell. Aktar kmieni l-Gvern qal li kien hemm 60 arrestati:

AQRA: 60 arrestati minn 300 li ħadu sehem

Il-Ministru fil-Parlament spjega li għaddejja investigazzjoni Maġisterjali u malli toħroġ l-informazzjoni mill-inkjesta jkun jista’ jagħti stqarrija Ministerjali. Qal li waranofsinhar kellu laqgħa ma’ xi ħaddiema u se jkompli b’dawn il-laqgħat għada biex ikun hemm protokolli aktar ċari ta’ kif isiru l-affarijiet.

Filmat: Pulizija mweġġa’, 3 karozzi jieħdu n-nar