Irvell Ħal Far: 60 arrestati minn 300 li ħadu sehem

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li mal-ġurnata kien hemm 60 persuna arrestati mit-300 immigrant li ħadu sehem fl-irvell li seħħ fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Fl-irvell weġġa’ Pulizija u l-immigranti taw in-nar lil tliet karozzi.

Il-Gvern fl-istqarrija kkonferma li dan ġara wara li immigrant ipprova jidħol fiċ-Ċentru Miftuħ xurban, kontra r-regoli tal-istess ċentru.

Il-Gvern sostna wkoll li għadd “konsiderevoli” ta’ immigranti ma ħadux sehem fl-irvell iżda qal li “grupp żgħir ta’ immigranti instigaw irvellijiet li nferxu fost 300 persuna”.

Filmat: Pulizija mweġġa’, 3 karozzi jieħdu n-nar

Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali rringrazzja lill-ħaddiema tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li Jfittxu l-Ażil (AWAS) u lill-forzi tal-ordni għax-xogħol tagħhom filwaqt li esprima solidarjetà ma’ dawk li sofrew danni materjali jew fiżiċi.

Minħabba li l-ħaddiema taċ-ċentru ħadu sehem fi protesta quddiem l-uffiċċju tal-Prim Ministru dwar il-kundizzjonijiet tagħhom, il-Ministeru fakkar kif “fl-aħħar sentejn saru diversi laqgħat ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema li anke wasslu għal ftehim kollettiv ġdid u għal investiment f’aktar riżorsi umani”.

Intqal kif il-Ministru Farrugia ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema u ġie miftiehem li għada ssir laqgħa bejn il-GWU, l-amministrazzjoni tal-AWAS u l-ministeru biex ikunu diskussa aktar dettalji speċifiċi.

Intant, fl-istess ġurnata li fiha kien hemm l-irvellijiet f’Ħal Far, il-Qorti ddikjarat li huwa illegali li immigranti nżammu f’Ħal Safi għal iktar minn 10 ġimgħat.

AQRA: Iktar minn 10 ġimgħat illegali – Qorti