Irtirati l-applikazzjonijiet għal 2 pompi tal-petrol f’ODZ

Żewġ applikazzjonijiet li kienu qed jipproponu l-bini ta’ pompi tal-petrol fuq żona barra miż-żona tal-iżvilupp kienu ritrati mill-applikanti qabel mal-Awtorità tal-Ippjanar kellha tiddeċidi fuqhom illum. L-applikazzjonijiet kienu għall-pompa tal-petrol f’Ħaż-Żabbar u oħra f’Birżebbuġa u li bejniethom kieku ġew approvati kienu se jieħdu 7,900 metru kwadru ta’ art.

L-applikazzjoni għall-pompa tal-petrol fi Triq Villabate ma’ Trejqet Wied ta’ Mazza f’Ħaż-Żabbar kienet irrakkomandata li tiġi rrifjutata mir-rapport tal-Case Officer. L-applikazzjoni kienet tinkludi wkoll bini ta’ ħwienet, uffiċċji u garaxxijiet. L-applikazzjoni saret fl-2010 u l-proġett propost kien fuq mhedda ta’ 3,700 metru kwadru.

Persuna li kienet oġġezzjonat għal din il-proposta kienet semmiet kif l-inħawi hemm raba saqwi bl-ilma għaddej mill-għalqa msemmiha fl-applikazzjoni. Semma’ wkoll kif mal-għalqa hemm villa li fiha toqgħod familja bit-tfal. Huwa saħaq li l-pompa tal-petrol tista’ tniġġeż l-akwati, inkluż il-boreholes tal-bdiewa li huma approvati mill-Awtorità.

It-tieni applikazzjoni li kellha tiġi deċiża llum kienet proposta għall-pompa tal-petrol ġo għalqa fi Triq Ħal Far f’Birżebbuġa u kienet se tokkupa 4,200 metru kwadru. Bħal l-ewwel applikazzjoni, ir-rapport tal-Case Officer kien irrakkomanda lill-Awtorità tal-Ippjanar tirrifjuta l-applikazzjoni.

Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa kien oġġezzjona kontra l-applikazzjoni u saħaq li l-proposta kienet tmur kontra l-politika eżistenti tal-pompi tal-petrol. Sostna li l-proposta kienet tmur kontra l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp magħruf bħala l-iSPED, hekk kif l-art tal-madwar tintuża għall-agrikultura. L-għaqda Nature Trust Malta wkoll oġġezzjonat għall-iżvilupp u nnuttat li l-art fil-madwar tintuża għall-agrikoltura.

Filwaqt li Din l-Art Ħelwa esprimiet li kontra t-teħid ta’ art verġni għall-pompi tal-petrol. L-għaqda kienet sostniet li applikazzjoni preċendenti biex isiru l-istallel fuq l-istess art kienet irrifjutata u saħqet li għar-raġuni simili din għandha tiġi rrifjutata.