Irtirata l-proposta ta’ lukanda fis-Saqqajja

Read in English.

Wara kważi tlett elef oġġezzjoni minn diversi għaqdiet u individwi, kif ukoll mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, l-applikazzjoni biex tinbena boutique hotel fis-Saqqajja ġiet irtirata.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kunsill Lokali ħabbar dan u spjega kif is-sit li fuqu kienet se tinbena din il-lukanda huwa ta’ importanza storika, turistika u arkeoloġika. Il-Kunsill spjega li l-bini propost kien se jsir fuq djar li huma mibnija fuq disinn ta’ Andrea Vassallo li ftit tara bħalhom Malta.

Il-Kunsill Lokali spjega li fl-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar kien hemm propost li jkun hemm addizzjoni ta’ żewġ sulari fuq is-Saqqajja biex il-bini jitla’ tliet sulari fuq quddiem u erba’ minn ġewwa. Il-Kunsill fakkar li din hija żona residenzjali għalhekk il-bini jista’ jkun sa żewġ sulari.

Il-Kunsill żied li l-proposta għal dan il-bini kienet se ttellef l-kwiet u s-serenità li din iż-żona hija magħrufa għalih. Il-Kunsill Lokali tar-Rabat enfasizza li minkejja li huwa favur il-kummerċ, dan irid isir b’mod sistenibbli u mhux għad-dannu tal-wirt storiku.

F’Diċembru li għadda l-eks Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi qal li sakemm idum Sindku hu, dan l-iżvilupp ma jsirx.