Irtirata l-liċenzja ta’ Satabank

Read in English.

Il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) irtira l-liċenzja ta’ Satabank PLC fuq rakkomandazzjoni tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).

Dan ġara lbieraħ b’effett immedjat.

It-12,000 kont bankarju fil-bank kienu ġew iffriżati mill-MFSA f’Ottubru tal-2018 wara għadd ta’ ksur ta’ liġijiet tal-ħasil tal-flus, u l-bank weħel multa ta’ €3 miljun.

Dak l-istess xahar, l-MFSA appuntat lil Ernst & Young sabiex timmoniterja u tagħti pariri lill-bank. Fi stqarrija, l-MFSA spjegat li Ernst & Young Limited għadha responsabbli għal Satabank, u se tibqa’ sakemm l-Awtorità tiddeċiedi mod ieħor.

Il-proċess ikkontrollat għar-rifużjoni ta’ depożiti tal-klijenti li ilu jsir minn Ottubru tal-2018 mhux se jibqa’ għaddej.

L-EY se tibqa’ tipproċessa l-fajls tal-klijenti fejn l-informazzjoni mitluba għar-rifużjoni tal-fondi baqgħet tintlaqa’ sal-bieraħ. Mhux se tkun tista’ tipproċessa fajls fejn hemm mistoqsijiet pendenti, u mhux se tkun tista’ taċċetta informazzjoni ġdida jew addizzjonali.

Klijenti li ntalbu jagħtu dettalji b’informazzjoni ta’ pagamenti jridu jdaħħluha sal-15 ta’ Lulju.

Aktar informazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-MFSA jew billi wieħed jikkuntattja lill-awtorità fuq il-freephone 8007 4924.