Irtirata l-applikazzjoni għat-tneħħija tal-ħamrija f’Tal-Wej

L-applikazzjoni biex titneħħa l-ħamrija minn biċċa art f’Tal-Wej ġiet irtirata mill-applikant. L-iskop tal-applikazzjoni kien għall-investigazzjoni arkeoloġika.
L-iżviluppaturi ma kinux qalu għalfejn xtaqu jagħmlu din l-investigazzjoni arkeoloġika. X’seta’ kienu l-intenzjonijiet tagħhom qajmu diversi mistoqsijiet kemm mir-residenti kif ukoll mill-għaqdiet ambjentali.
Is-sit igawdi minn numru ta’ livelli ta’ protezzjoni.
Is-Sovratindenza tal-Wirt Kulturali kienet saħqet li din il-proposta ta’ investigazzjoni arkeoloġika mhix neċessarja u se jkollha impatt negattiv fuq il-wirt kulturali, liema impatt mhux iġġustifikat.
Fakkret kif l-art tinsab f’żona klassi A ta’ importanza arkeoloġika.
Aktar kmieni dax-xahar, kemm is-Sovratindenza tal-Wirt Kulturali (SCH) u l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalu li kienu kontra li jinħareġ il-permess f’Tal-Wej biex titneħħa l-ħamrija. 
Ir-residenti u diversi għaqdiet ambjentali kienu mħassba minħabba li dan is-sit jinsab f’żona barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) u huwa protett bħala sit ta’ importanza arkeoloġika u xjentifika għolja.