Irtirata l-applikazzjoni għall-iskavar tas-sit tal-ITS

Id-db Group irtira l-applikazzjoni għall-iskavar tas-sit tal-ITS. Dan bil-għan li tiġi sottometta applikazzjoni waħda għax-xogħol tal-iskavar u l-bini taż-żona.

Il-proposta għall-iskavar kienet ġiet sottomessa b’mod separat. Din ġiet irtirata fid-19 ta’ Mejju. Is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili qal lit-Times of Malta li l-kunsill ltaqa’ mal-iżviluppatur. L-iżviluppatur qal li l-pjanijiet se jiġu konsolidati f’applikazzjoni waħda fid-dawl tal-kritika li nqalgħet meta l-applikazzjoni kienet qed toħloq ostakli għan-nies li xtaqu jilmentaw kontra l-iżvilupp fl-intier tiegħu.

F’Marzu l-Awditur Ġenerali esprima d-dubji tiegħu dwar ir-regolarità tat-tender maħruġ minn Projects Malta biex il-Gvern ibiegħ is-sit li qabel kien tal-ITS lill-grupp DB.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ppubblika r-rapport li fih indika li Projects Malta naqset milli ġġib l-awtorizzazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti qabel ħarġet is-sejħa għall-proposti f’Novembru 2015 għad-disinn, il-bini u l-operat ta’ żvilupp turistiku fuq is-sit li kien okkupat mill-ITS.

Joseph Muscat u Konrad Mizzi qed iwaħħlu f’xulxin minħabba t-trasferiment tal-art tal-ITS lid-DB Group, skont l-għaqda Repubblika. Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet li għandha ssir inkjesta pubblika li tiddetermina min ħa d-deċiżjonijiet marbutin mal-għoti tas-sit fil-Bajja ta’ San Ġorġ u għalfejn.