Irtirata allegazzjoni dwar Delia “għax bla provi”; iwaqqa’ l-libell

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li wara li s-sit Lovin Malta irtira l-allegazzjoni ta’ malafama kontrieh, huwa lest jirtira l-kawża ta’ libell fil-konfront ta’ dan is-sit. Il-libell kien b’rabta ma’ artiklu li allega li Adrian Delia kien “idur b’karti tal-€500 meħudin mid-donazzjonijiet mogħtija lill-Partit Nazzjonalista”.

F’artiklu li ttella’ fuq Lovin Malta, intqal li s-sit m’għandu l-ebda evidenza biex jissostanzja dak li kienu qed jirrappurtaw u skużaw ruħhom mal-Kap Nazzjonalista għal kull inkonvenjent li setgħu ħolqulu.

Il-Partit Nazzjonalista innota b’sodisfazzjon li dan is-sit irtira l-allegazzjonijiet “infondati u malizzjużi” u fakkar kif dan kien każ ieħor fejn ma nġabet l-ebda evidenza.

Filwaqt li qal li jemmen fil-midja ħielsa u l-libertà tal-espressjoni, il-PN esprima t-tħassib tiegħu li sezzjonijiet tal-midja jabbużaw minn dan sabiex jagħmlu assassinju tal-karattru ta’ politiku jew persuna oħra.