B’effett immedjat l-insettiċidi kollha li fihom is-sustanza attiva chlorpyrifos se jiġu rtirati mis-suq bħala prekawzjoni. Dawn il-prodotti m’għandhomx jinbiegħu, jitqassmu, jinħażnu jew jintużaw.
Dan ħabbruh is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista. Camilleri spjega li din il-miżura ttieħdet biex il-konsumatur kif ukoll il-bidwi jserraħ moħħu li qed jixtri prodott bnin nieqes mis-sustanzi li jistgħu jkunu ta’ periklu.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li l Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) se tkun qed tissorvelja ssuq u tassigura li dawn l-azzjonijiet jiġu osservati. Huwa kompla li l-Awtorità ħejjiet lista ta’ prodotti alternattivi li huma ħielsa mill-chlorpyrifos sabiex tkun tista’ tigwida lill-bdiewa.
Din il-miżura qiegħda tittieħed wara li l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ippublikat rapport fl-‘EFSA Journal’ bil-konklużjonijiet tagħha dwar l-effetti fuq is-saħħa, attribwiti mal-użu tas-sustanza chlorpyrifos, fil-31 ta’ Lulju 2019.
Is-sustanza chlorpyrifos hija sustanza attiva użata bħala insettiċida mill-bdiewa u permezz tagħha jirnexxielhom jeqirdu firxa wiesgħa ta’ insetti u pesti oħra, biex tipproteġi pjanti u frott imkabbar fl-għelieqi. Din il-miżura daħlet fis-seħħ ukoll minħabba s-saħħa tal-bniedem. Matul iż-żmien 8 pajjiżi Ewropej oħra diġà ħadu miżuri simili.
Kull min jixtieq li jingħata iktar tagħrif jista’ jċempel fuq in-numru tad-direttorat li huwa 80072213.