Aġġornata (2): Irtirat l-Avviż għat-trasferiment tal-art lill-Corinthia

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi rtira l-Avviż għat-trasferiment ta’ art lill-Grupp Corinthia. Dan kien ikkonfermat f’ittra li Dr Mizzi bagħat lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li huwa wkoll iċ-Ċermen tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Uffiċċju tal-Verifika.

Il-ftehim kien dwar mijiet ta’ eluf ta’ metri kwadru ta’ art biex il-Grupp Corinthia jiżviluppah f’lukanda ta’ sitt stilel, appartamenti u spazju għall-istabbilimenti f’San Ġiljan.

Skont il-MaltaToday, il-Ministru Mizzi qal li għamel dan fid-dawl tal-avviż ġdid li se jiġi ppubblikat dalwaqt ‘bid-dokumenti ġodda li jirriflettu diversi sessjonijiet ta’ konsultazzjoni’.

Dan, skont it-Times of Malta u l-midja tal-Partit Nazzjonalista, huwa minħabba l-pressjoni qawwija li qed issir mill-Oppożizzjoni, mill-ambjentalisti u minn diversi negozjanti.

Fil-jiem li għaddew fil-Parlament, il-Ministru Mizzi kien qal li tal-inqas 50% tas-sit għandu jkun marbut ma’ żvilupp turistiku u li se jkun hemm massimu ta’ 25,000 metru kwadru għall-propjetajiet residenzjali li jistgħu jinbiegħu.

“Tal-Corinthia jistgħu jużaw il-Jerma, il-Mistra jew Ħal Ferħ għal lukanda ta’ 6 stilel”

Min-naħa tiegħu l-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo irrimarka li l-Grupp se jingħata madwar €53 miljun mill-Gvern b’dan il-ftehim. Arrigo qal li dan hu bejn wieħed u ieħor l-ammont ta’ flus li l-Grupp għandu bżonn biex jagħmel refurbishment tat-tliet lukandi li l-kumpanija diġà għandha fuq dan is-sit jiġfieri: Corinthia San Ġorġ, Radisson u  Corinthia Marina li waslu għal bidla.

Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Grupp Corinthia qal li 75% tal-art mhux se tinbena.

“Wara xahrejn sħaħ ta’ pressjoni, Mizzi ma kellux triq oħra” – PN

Il-Partit Nazzjonalista f’reazzjoni stqarr li filwaqt li dejjem kien u se jibqa’ favur l-investiment fis-settur tat-turiżmu, ma jistax jippermetti li art pubblika tingħata bix-xejn, “meta hawn anzjani u sidien ta’ negozji żgħar li meta jagħlqilhom iċ-ċens jispiċċaw barra jew b’xejn”.

Il-PN insista li wara xahrejn sħaħ ta’ presssjoni min-naħa tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Konrad Mizzi ma kellux triq oħra.

“Il-Gvern reġa’ wettaq dak li jwiegħed” – PL

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li b’rabta mal-investiment tal-Corinthia, il-Gvern reġa’ wettaq dak li jwiegħed. Stqarr li l-Gvern ikkonsulta u sema’ biex itejjeb fl-interess tal-pajjiż. “Huwa frott din il-konsultazzjoni li l-Gvern saħansitra qed itejjeb dak propost oriġinarjament”, kompliet tgħid l-istqarrija.