Aġġornata: Irtirat il-permess għall-ikbar ballun tan-nar tal-V18

Wara li ġie rtirat il-permess biex il-kamra tan-nar ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq tkun tista’ taħraq l-ikbar ballun tan-nar f’Malta, il-Fondazzjoni Valletta 2018 qalet li flok se jinħaraq għada se jinħaraq "f'okkażjoni oħra speċjali li se tiġi mħabbra fiż-żmien li ġej".
Il-ballun tal-logħob tan-nar, b’dijametru ta’ 53 pulzier, kien se jikser rekord nazzjonali waqt l-attività tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Pageant of the Seas għada filgħaxija.
Fi stqarrija wara li ġie ppubblikat l-artiklu ta' Newsbook.com.mt, il-Fondazzjoni qalet li l-ballun tan-nar li kien se jinħaraq għada mhux possibli li jinħaraq minħabba raġunijiet marbuta ma' sigurtà relatati mal-post.
Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-permess ġie rtirat jumejn qabel l-attività, sena u nofs wara li ġie ffirmat il-kuntratt bejn il-kamra tan-nar u l-Fondazzjoni Valletta 2018 biex jaħdmu dan l-akbar ballun tan-nar.

L-istqarrija tgħid ukoll li din "id-deċiżjoni ttieħdet unanimament f'laqgħa li saret apposta li għaliha attendew l-awtoritajiet ikkonċernati kollha".

Il-kanna biex jittella’ dan il-ballun ġiet manifatturata f’Malta u tiswa mal-€20,000.
Anki l-paġna Malta Records ħabbret din l-aħbar u qalet li "konsegwenza ta' din id-deċiżjoni, inħlew riżorsi kbar mill-għaqdiet ikkonċernati għad-detriment tal-istess għaqdiet".
Newsbook.com.mt prova jagħmel kuntatt ma’ uffiċjal fil-Fondazzjoni Valletta 2018 iżda dan ma kienx disponibbli.