Irtirar kmieni HSBC: 133 Iva u 86 Le

Il-bank HSBC aċċetta t-talba ta’ 133 impjegat biex jirtiraw kmieni. Dan filwaqt li ma laqgħax it-talba ta’ 86 persuna oħra.
L-iskema volontarja tal-irtirar kmieni mistennija tiswa lill-bank kważi €15-il miljun, filwaqt li jnaqqas l-ispiża annwali b’€4.4 miljun.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li filwaqt li ġiet aċċetata t-talba biex uħud mill-ħaddiema jtemmu l-impjieg mal-bank fil-ġimgħat li ġejjin, xi talbiet oħra li ġew aċċettati, huma marbuta ma’ xi kundizzjonijiet.
Uħud minn dawn jinkludu li xi ħaddiema jingħataw is-somma biex jitilqu, ladarba s-servizz li joffru jibda jingħata minn uffiċċji oħra tal-bank barra minn Malta.
Is-sena li għaddiet il-bank HSBC ħallas kważi €52 miljun f’pagi. Fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet irreġistra qliegħ qabel it-taxxa ta’ €36 miljun.
Fi stqarrija maħruġa fil-Borża ta’ Malta, il-bank qal li riżultat ta’ din l-iskema mistenni jagħmel inqas qliegħ din is-sena. Iżda hu mistenni li t-tnaqqis fl-ispejjeż iħalli iktar qliegħ u jżid l-effiċjenza fil-bank.