Irtira l-proposta għal triq f’Ħad-Dingli – KPKK u KA lil IM

Moviment Graffitti

Il-Kummissjoni Patrimonju Kulturali Kattoliku (KPKK) u l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) huma mħassbin fuq il-proposta ta’ bini ta’ triq f’Ħad-Dingli li tgħaqqad Daħla tas-Sienja ma’ Sqaq il-MUSEUM. Huma talbu lil Infrastructure Malta biex tirtira din il-proposta.

Fi stqarrija konġunta, iż-żewġ kummissjonijiet qablu li hemm bżonn li Infrastructure Malta tkun integrata mill-ġdid b’mod sħiħ fil-proċess tal-ippjanar. Skonthom, trid issir reviżjoni urġenti tal-eżenzjonijiet li ngħataw lil Infrastructure Malta li jippermettulha tagħmel ċerti proġetti mingħajr ħtieġa li tapplika għall-permess sħiħ tal-iżvilupp, b’mod li jeskludu lil tali proġetti mill-iskrutinju tal-pubbliku u ta’ awtoritajiet oħra. B’hekk, b’dan il-mod, din l-aġenzija qed thedded l-għajxien tal-bdiewa u l-wirt naturali u kulturali tal-pajjiż, qalu l-kummissjonijiet.

Fil-fehma tal-kummissjonijiet, il-fatt li t-triq proposta ilha ppjanata għal ħafna snin ma jfissirx illi m’hemmx bżonn li l-proposta terġa’ tiġi kkunsidrata sabiex jaraw jekk għadx hemm tassew bżonn din it-triq.

“Huwa pertinenti li nsaqsu jekk l-Awtorità tal-Ippjanar, wara li għaddiet minn diversi eżerċizzji ta’ ristrutturar f’dawn l-aħħar snin, hijiex mgħammra biżżejjed biex tagħmel reviżjoni sħiħa u sodisfaċenti tal-pjani lokali, liema reviżjoni tkun ibbażata fuq studji serji u bil-għaqal tal-ħtiġijiet ta’ kull lokalità, u fuq inventarju tal-assi naturali u mibnija li jeħtieġu li jiġu mħarsa.”

Apparti dan, huma qalu li jarawha stramba li Infrastructure Malta daħlet għal dan ix-xogħol ftit żmien biss wara li ntemm l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-Rural Policy and Design Guidance 2020, li suppost hija intiża biex tgħin lill-bdiewa fl-attivitajiet agrikoli tagħhom. Dan il-proġett imur kontra l-għanijiet ta’ din il-policy għax se jkun qed jhedded l-għajxien ta’ numru ta’ bdiewa. “L-argument ta’ Infrastructure Malta li din it-triq hemm bżonnha f’każ ta’ emerġenza futura huwa kemm perikoluż kif ukoll dgħajjef. B’dan l-istess argument, bosta ċentri storiċi tal-ibliet u l-irħula f’Malta u Għawdex jistgħu jitwaqqgħu biex ikunu jistgħu jitwessgħu it-toroq u l-sqaqien li jagħtuhom il-karattru tagħhom. “

Tal-mistħija li l-ERA ħarġet permess għall-qerda tas-siġar

Il-KPKK u l-KA qed iqisu bħala ħaġa tal-mistħija li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet permess biex jinqerdu siġar tal-ħarrub, li huwa stmat li għandhom mijiet ta’ snin, biex issir din it-triq.

Barra minn hekk, ix-xogħlijiet proposti se jqiegħdu f’riskju, u jistgħu jikkawżaw danni, lill-Kappella ta’ Santa Duminka ta’ Ħal Tartarni. Din il-kappella hija waħda mill-ftit eżempji ta’ arkitettura medjevali li fadal f’Malta. Ir-Rollo tal-1436 juri li sa mill-1402, dan is-sit kien diġa meqjus bħala parroċċa, għax hu deskritt bħala cappella sancte Dominica tartarni. Kienet magħrufa hekk tal-anqas sal-1522.

Il-kappella ta’ Santa Duminka waħda minnhom
6 kappelli medjevali jingħataw protezzjoni

Din il-kappella hija waħda mis-sitta li għadhom kemm ġew skedati fi Grad 1, l-ogħla livell ta’ protezzjoni.

Iż-żewġ kummissjonijiet temmew l-istqarrija tagħhom billi faħħru l-inizjattiva ta’ ċittadini, bdiewa u għaqdiet li qegħdin jaqbżu għal dan il-patrimonju. Qalu li tkun xi ħaġa tajba li kieku l-politiċi u dawk li jiggvernaw setgħu jiddakkru mill-valuri li jmexxu lil dawn in-nies.