“Irriżenja” – Ulied DCG lill-Prim Ministru

Ulied il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ġiet assassinata nhar it-Tnejn li għadda, qed isejħu għar-riżenja tal-Prim Ministru.
Fuq Facebook, Matthew Caruana Galizia, f’isem ħutu, qal li mhux se jaċċettaw il-€1 miljun għal dawk li jipprovdu informazzjoni li tista’ twassal biex jinstab min qatilha. Semma kif ilbieraħ, saritilhom pressjoni deskritta minnu "kbira bla ebda kompassjoni (unrelenting pressure)", mill-President ta’ Malta u mill-Prim Ministru biex jaċċettaw din l-għotja.
Matthew kompla jgħid li għalih mhux biżżejjed li ssir ġustizzja u kollox jibqa’ kif inhu, dik li sejjaħ sitwazzjoni ddisprata, bla kontabbiltà politika, bla integrità fil-ħajja pubblika u fejn m’għandekx soċjetà miftuħa u ħielsa, affarijiet li ġġieldet għalihom ommu.

Iben il-ġurnalista rrimarka li l-Gvern preżenti għandu f’moħħu biss li jsalva r-reputazzjoni tiegħu u jaħbi l-ħofra li l-istituzzjonijiet jinsabu fiha.
“Min prova jsikkitha, mhux se jara li ssir ġustizzja”
Enfasizza li n-nies li dejjem ippruvaw isikktu ’l ommu mhux se jkunu n-nies li jaraw li sseħħ ġustizzja. Stqarr li l-Gvern u l-Korp tal-Pulizija li naqas lil ommu f’ħajjitha, se jonqosha anke f’mewtha.
Sostna li ma tantx tagħmel differenza jekk jinqabadx min qatel ’l ommu, għax ismu jew isimha se jkun biss farka li turi kif il-pajjiż tkisser f’biċċiet minn dawk li sejħilhom “kriminali u korrotti”.
Temm jgħid li minflok jaċċettaw il-flus, huma qed jitolbuh jirriżenja, u qabel jagħmel hekk jitlob lill-Avukat Ġenerali u ’l-Kummissarju tal-Pulizija jirriżenjaw ukoll.
“Irriżenja talli assistejt għat-twelid ta’ soċjetà mimlija biża’, kriminalità, korruzzjoni u nuqqas ta’ fiduċja fl-awtoritajiet; irriżenja talli ħdimt biex tkisser lil ommi finanzjarjament; talli waslet fi stat li ma ħassithiex aktar sigura li timxi fit-triq”,  jagħlaq Caruana Galizia, f’isem ħutu, Andrew u Paul.