“Irriżenja biex jiġi investigat sehmek u dak ta’ Schembri fl-assassinju”

Corinne Vella, oħt il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, f’isem il-familja qalet li jistennew li Joseph Muscat jirriżenja minn Prim Ministru u minn Membru Parlamentari.

F’messaġġ qasir lill-midja, wara li tressaq b’arrest in-negozjant Yorgen Fenech, Vella qalet li r-riżenja ta’ Muscat tippermetti biex issir investigazzjoni sħiħa u mingħajr indħil, “dwar l-irwol tiegħu u tal-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri fl-assassinju ta’ Daphne”.

Ilbieraħ, Yorgen Fenech tressaq il-Qorti b’arrest akkużat b’ħames kapi ta’ akkuża dwar l-involviment tiegħu fl-assassinju. Fenech, li għandu 38 sena, ġie arrestat fl-20 ta’ Novembru li għadda, hekk kif allegatament kien qed jipprova jaħrab mill-pajjiż bil-jott Gio.