“Irritat bin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħek” – Arrigo lil Delia

Aġġornat 10:52 AM

Arrigo jgħid tiegħu fl-ittra ta' reżenja

Read in English.

Robert Arrigo, li għadu kemm irreżenja minn Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, fl-ittra ta’ reżenja tiegħu lill-Kap Adrian Delia, qallu li hu irritat bin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu.

L-ittra ta’ reżenja ġiet ippubblikata mill-gazzetta In-Nazzjon illum, jum wara li Arrigo ħabbar fuq Facebook li mhux beħsiebu jkun parti mill-Partit Nazzjonalista. L-ittra hija datata fit-8 ta’ Frar u Arrigo qal li l-aħħar jum tiegħu bħala deputat mexxej se jkun id-29 ta’ Marzu.

Fl-ittra tiegħu huwa ma żammx lura, u qal li jaf li qed ikun dirett, u dan jaf jitqies irritanti, iżda jħoss li għandu jkun ċar fi kliemu. Lil Delia qallu li biex ineħħuh, irrovinaw partit. It-tħassib tiegħu, iżda, huwa li ħadd minn dawn il-“gurus” ma ħareġ bi pjan konkret għall-Partit Nazzjonalista.

Arrigo semma “it-tajjeb” li għamel Delia, iżda qal li dan donnu ma ħadimx. Stqarr li n-nies iridu proposti, direzzjoni, tweġibiet u ċarezza. “Il-partit seta’ jasal,” fisser Arrigo.

“Jien kont il-magħżul biex nitlaq”

Żied jgħid li kienet ċara li hu kien il-magħżul mill-Grupp Parlamentari biex jitlaq. Spjega kif hu ħoloq modi differenti ta’ dħul għall-partit, minkejja l-ostakli li sab mill-Grupp Parlamentari. Skontu, “il-wirt finanzjarju impossibbli” kien taħt kontroll permezz ta’ pjan ta’ 10 snin, imma Arrigo qal li bl-aġir tiegħu, il-Grupp Parlamentari rrovina dan il-pjan, li kien jiżgura li jkun hemm biżżejjed flus għall-paga tal-impjegati tal-Partit Nazzjonalista.

Saħaq li r-responsabbiltà kollettiva għandha tintrefa’ b’mod proporzjonat, minn kulħadd.

Temm l-ittra tiegħu billi qal li se jibqa’ Membru Parlamentari Nazzjonalista, u se jikkontesta l-elezzjoni li jmiss fuq id-disa’ u l-għaxar distrett.

17 Blue Heroes

Intant, il-Membru Parlamentari Jason Azzopardi wera l-fehma tiegħu biċ-ċar ilbieraħ filgħaxija meta xerred ritratt tas-17-il Membru Parlamentari li ma jridx li Adrian Delia jibqa’ fit-tmun tal-Partit, mingħajr ma żied messaġġ mar-ritratt. Taħt ir-ritratt tal-MPs, hemm biss il-kliem “17 Blue Heroes.”

B’reazzjoni għal dan ir-ritratt, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Stephen Spiteri ddistakka ruħu mill-fehma ta’ dawn l-MPs, minkejja li kien inkluż f’dan ir-ritratt ta’ Azzopardi.

Mal-ġurnal The Malta Independent, Spiteri qal li ma jikkunsidrax lilu nnifsu eroj f’din is-sitwazzjoni, peress li jemmen iżjed fid-djalogu milli li jifforma xi kolp. Spiteri esprima t-tħassib tiegħu għall-futur tal-Partit Nazzjonalista, iżda ma xtaqx jassoċja ruħu mal-grupp li jrid li jitneħħa Adrian Delia minn kap.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Ivan Bartolo ma kienx wieħed minn dawk li dehru fir-ritratti, imma kiteb fuq Facebook, “Tkun eroj meta ssib it-tarf tal-kobba mħabbla” b’referenza għas-17-il “eroj blu.”

Tkun eroj meta ssib it-tarf tal-kobba mħabbla.

Posted by Ivan Bartolo on Monday, February 10, 2020
X’ġara l-ġimgħa li għaddiet?
L-aħħar żviluppi fil-Kriżi PN

Wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari nhar l-Erbgħa li għadda, il-Ħamis Azzopardi kien qal li ħassu urtat immens jara li ħames minuti biss wara li l-laqgħa ġiet konkluża, Delia kategorikament qal lill-ġurnalisti li huwa kien se jmexxi lill-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dan wassal biex 17-il Membru Parlamentari Nazzjonalista ħarġu stqarrija li fiha esprimew it-tħassib tagħhom dwar it-tmexxija ta’ Adrian Delia u talbuh jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu.

Imbagħad segwiet kriżi fil-PN, b’għadd ta’ riżenji fosthom ta’ Arrigo u ta’ Kristy Debono minn President tal-Kunsill Ġenerali. L-għada rriżenja wkoll Clyde Puli minn Segretarju Ġenerali.

Id-diskussjoni interna fl-ogħla organi tal-Partit Nazzjonalista mistennija tkompli llum peress li l-President tal-Eżekuttiv tal-PN Alex Perici Calascione se jlaqqa’ lill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv fis-6pm. Il-laqgħa se ssir biex primarjament jibda l-proċess ta’ ħatra ta’ tim ġdid ta’ tmexxija kif rakkomandat minn Louis Galea.