“Irrispettaw lil xulxin jew titkeċċew” – Google

Il-kumpanija Google wissiet lill-impjegati tagħha li jitkeċċew jekk ma jibdewx jirrispettaw lill-impjegati sħabhom.

Dan wara li l-kumpanija kienet involuta f’numru ta’ skandli ġejjin mill-imġiba mhux xierqa bejn l-impjegati.

Il-kumpanija beħsiebha ssolvi din il-problema permezz ta’ linjigwida dwar x’jistgħu jiktbu l-impjegati bejniethom fejn jikkomunikaw.

Ħafna mill-punti  li xerrdet fuq Twitter jidhru ovvji, bħal regoli li jgħidu li għandek taħseb qabel tikteb xi ħaġa u li għandek tittratta lil ħaddieħor bir-rispett.

Imma dawn ir-regoli jservu wkoll ta’ twissija lill-impjegati li jekk jibqgħu jaġixxu ħażin lejn xulxin, jistgħu jaffaċċjaw problemi serji ta’ dixxiplina. Kummenti jew materjal dwar xi ħadd li ma jaqbilx mal-valuri tal-kumpanija jitqies bħala mġiba ħażina.

Google mhix se tneħħi l-bords tal-messaġġi tagħha, li jitmexxew mill-voluntiera, iżda għamlitha ċara li ħadd ma jista’ jibqa’ jikteb kif ġie ġie. Dawk li jibdew id-diskussjoni huma mħeġġa li jħassru kitbiet li jitqiesu bħala ta’ nuqqas ta’ rispett.

L-iskandli bdew fl-2017 meta l-kumpanija keċċiet lil impjegat li kiteb f’konverżazzjoni onlajn bejn l-impjegati li n-nisa ma jinqalgħux fl-inġinerija daqs l-irġiel. Dan il-kumment kien qajjem furur nazzjonali.