Irrifjutata t-talba tal-aħwa Degiorgio għal kopja tal-warrant tal-phone tapping

Read in English.

Il-Qorti Kostituzzjonali rrifjutat it-talba tal-aħwa Degiorgio biex jingħataw kopja tal-warrant li ppermetta li l-mowbajls tagħhom ikunu ttappjati mill-Pulizija biex ikun eżebit il-Qorti.

Il-Qorti tal-Appell komposta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, irrifjutat l-appell għal kopja tal-warrant.

George Degiorgio (iċ-Ċiniż) u ħuh Alfred Degiorgio (il-Fulu) flimkien ma’ Vince Muscat (il-Koħħu) qed ikunu akkużati li poġġew u ddetonaw il-bomba li qatlet lill-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet diġà rrifjutat it-tabla tagħhom li għamli fit-3 ta’ Frar. Degiorgio kien ipproċeda billi jappella d-deċiżjoni fid-9 ta’ Marzu wara ruling fit-2 ta’ Marzu li ppermettielu li jappella d-deċiżjoni. Il-Qorti tal-Appell innotat li quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, l-aħwa kienu ngħataw l-opportunità li jagħmlu l-argument tagħhom. Huma talbu li l-konvenuti jippreżentaw kopja tal-warrant maħruġa biex isir ittappjar tal-mowbajls użati mill-aħwa Degiorgio. Il-Qorti kienet irrifjutat din it-talba.

Waqt ix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Keith Arnaud kien ippreżenta filmat tal-interrogazzjoni li saret lill-aħwa Degiorgio f’Diċembru tal-2017. Il-filmat juri li Arnaud isemmagħhom rekording ta’ żewġ telefonati li għamel Degiorgio lil żewġ individwi oħra fejn talabhom jixtrulu top up card. Skont ix-xhieda, il-mowbajl kien użat minn George Degiorgio dakinhar tal-assassinju biex jikkomunika ma’ ħuh Alfred.

L-investigatur instema’ jgħid lil Degiorgio li l-vuċi tiegħu kienet tinstema’ fir-rekordings. It-tapping kien intuża mill-pulizija waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni. S’issa, dawn ir-rekordings għadhom ma ġewx eżebiti fil-Qorti bħala evidenza fil-konfront ta’ Degiorgio.

Il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà ta’ Malta xehed fil-Qorti li l-warrant kien ħareġ mill-Ministru responsabbli u kien ħareġ skont il-liġi. Il-warrant f’dan il-każ huwa dokument ta’ privileġġ u skont il-liġi ma jistax ikun eżebit fil-Qorti. Intant, l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kien ikkoferma taħt ġurament li fis-17 ta’ Frar tal-2017 kien talab lis-Servizzi tas-Sigurtà biex ipoġġu lil Degiorgio taħt sorveljanza b’konnessjoni ma’ xi investigazzjonijiet.

Filwaqt li l-Qorti tal-Appell ma rat l-ebda raġuni għaliex għandha tibdel id-digriet, innutat li dak li qal il-Kap ta-Servizzi tas-Sigurtà, jiġifieri li l-warrant kien “skont il-liġi” ma jistax ikun ikkunsidrat bħala “l-aqwa evidenza”. Qalet li dan jista’ jfisser li jekk il-warrant ma jkunx ippreżentat fil-Qorti, l-istatement tiegħu jista’ jkun ikkonfrontat minn evidenza oħra dwar il-kontenut tiegħu u kemm dan jimxi mal-liġi jew le.