Irrifjutat li tqum bilwieqfa għall-verdett; issellem lill-ISIS barra l-Qorti

Mara miżżewġa estremist Iżlamiku tal-ISIS, li bħalissa jinsab arrestat, instabet ħatja ta’ diżrispett lejn il-Qorti tal-Awstralja, wara li rrifjutat li tqum bilwieqfa għall-verdett għax qalet li hi tqum biss għal Allah.
Moutia Elzehad ta’ 50 sena, miżżewġa lil Hamdi Alqudsi, baqgħet bilqiegħda anki waqt li l-Maġistrat Carolyn Hunstman kienet qed taqra d-deċiżjoni, li sabitha ħatja għal 9 darbiet bi mġiba mhux rispettabbli fil-Qorti.
Il-Maġistrat fehmet dak li qalet il-mara, iżda meta ppruvat tara l-aġir tagħha kienx ibbażat verament fuq rispett lejn Alla, ma rnexxilhiex issib raġuni valida.
Filmati minn kamersa tas-sigurtà wrew li l-mara baqgħet bilqiegħda 9 darbiet f’seduti bejn Novembru u Diċembru, liema offiżi jistgħu jġorru sa 14-il jum ħabs jew multa ta’ $1,100.
Fl-2016, Elzehad kienet ħarrket lill-gvern federali fuq allegazzjonijiet ta’ vjolenza min-naħa tal-Pulizija u impriġunament wara rejd f’darha sentejn qabel. Minkejja dan ma kienx irnexxielha tirbaħ il-kawża.
Hi u ħierġa mill-Qorti lbieraħ, il-mara sellmet lill-ISIS bit-tislima tipika b’sebgħa wieħed, filwaqt li l-persuna li kienet magħha għajret lill-ġurnalisti kokroċijiet.
Il-każ ikompli fil-15 ta’ Ġunju.