“Irridu sport sostenibbli iżda mhux b’detriment għall-ambjent”

L-Assoċjazzjoni tar-Ramblers Maltin qalet li s-sostenibbiltà finanzjarja tal-isport f’Malta għandha dejjem tiġi assigurata, iżda din qatt ma għanda ssir b’detriment għal aspetti ambjentali.
Meta tat ir-reazzjoni tagħha dwar il-kummerċjalizazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi, l-Assoċjazzjoni qalet li skemi bħal dawn ma jistgħux isiru akkost ta’ kollox, mingħajr ma jitqiesu l-effetti negattivi fuq l-ambjent rurali u naturali tal-gżejjer Maltin.
L-Assoċjazzjoni spjegat li faċilitajiet sportivi jistgħu jittejbu mingħajr ma tiġi estiża l-medda tal-art li fuqu jkun hemm il-binja, u li l-ebda biċċa art li taqa’ taħt l-ODŻ ma għandha tintuża għal dan il-għan. Lanqas ma għandha tintuża art li għandha valur storiku jew ta’ wirt kulturali.
Żiedet tgħid li għandhom jiġu evitati inkonvenjenti u ħsejjes għar-residenti li jgħixu qrib dawn il-faċilitajiet sportivi. Spjegat li dan jista’ jsir permezz ta’ parkeġġ għall-karozzi taħt l-art tal-istess faċilitajiet.
L-Assoċjazzjoni tar-Ramblers Maltin sostniet li l-proposta biex tinbena trekk tat-tlielaq tal-karozzi mhijiex tajba għas-saħħa u qalet li din se twassal għal tniġġiż żejjed.
Dwar l-inklużjoni ta’ postijiet tal-akkomodazzjoni għal studenti li għandhom ukoll xi faċilità sportiva, intqal li dawn għandhom jiġu esklużi mill-aspett ta’ kummerċjalizazzjoni. L-Assoċjazzjoni temmet tgħid li Malta ma tiflaħx tibni iktar faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni għal turisti għax diġà laħqet il-massimu.