“Irridu soċjetà li ma twarrab lil ħadd”

Carmel Saliba

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech sostna li hemm bżonn li s-soċjetà tieqaf taċċetta li persuni jiġu mwarrba għal xi raġuni jew oħra. Sostna li jkun hemm dawk li jiddeċiedu li jinqatgħu għalihom huma stess u oħrajn li jispiċċaw jitwarrbu wara li bosta jduru kontrihom minħabba zekzik u kummenti diżpreġġjattivi.

Dan qalu waqt l-omelija fil-funeral ta’ Joseph Grech, li kien benefattur kbir ta’ Għawdex u huwa sininomu mal-Moviment tal-Iscouts.

Fl-omelija, l-Isqof spjega li Grech qatt ma warrab lil ħadd tant li dejjem kien jagħżel “li joqgħod fil-ġenb biex joħroġ lil ħaddieħor fin-nofs u hekk joffrilu kull possibiltà biex ikollu futur sabiħ”. Semma kif minkejja li Grech kellu bosta ħiliet li seta’ għażel biex jagħmel affarijiet oħra, dejjem għażel li jgħin liż-żgħar hekk kif iddedika ħajtu għat-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ fi ħdan l-iscouts. Sostna li “dejjem kien lest li jiċkien hu biex jikbru l-oħrajn u joqgħod nieqes hu biex jara sew lill-oħrajn”.

L-Isqof spjega kif Grech kien ukoll involut fil-Kamra tan-Negozju Għawdxija imma ma kienx hemm biex jimla bwietu, iżda biex jgħin liż-żgħir. Sostna li dejjem xtaq li jqiegħed lil Għawdex fin-nofs tal-aġenda nazzjonali.

Fl-omelija tiegħu, l-Isqof irrimarka kif hemm diversi modi kif wieħed jispiċċa mal-ġenb. Wieħed jista’ jiddeċiedi li jinħeba u ma jagħtix fil-għajn kemm forsi għax jitlef il-fiduċja fih innifsu u din id-deċiżjoni sservi bħala mod kif jipproteġi ruħu, u kemm għax forsi jkun għamel xi żball u jibda jsofri minn sens ta’ mistħija. Madanakollu rrimarka li ħafna drabi jkun hemm persuni li jiġu mwarrba f’ġenb mhux għax iridu huma imma minħabba pika u l-għira ta’ ħaddieħor, jibdew jiġu ġġudikati u kkritikati, jew għax forsi għandhom twemmin politiku jew reliġjuż differenti.

“Iz-zekzik, il-ġudizzji bl-addoċċ, il-kalunnji, xnigħat foloz, il-hate speech, u l-bqija, huma kollha għodda tajba biex neliminaw lil xi ħadd mis-saqajn,” kompla jgħid l-Isqof Grech.